Left arrow Mur Lura

INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TAL-PROMENADE TA’ WIED BABU: TITLESTA L-EWWEL FAŻI TAL-BELVEDER B’INVESTIMENT TA’ ’L FUQ MINN LM400,000

PR1665
Date Icon 03/12/2006

L-ambjent pittoresk, imżewwaq bl-aspett rurali u naturali għandu jiġi konservat u mtejjeb biex kull ċittadin u turist li jżurna jammira s-sbuħija tal-gżira tagħna. 

Il-proġett tal-Belveder ta’ Wied Babu hu eżempju ċar ta’ kemm il-Gvern huwa determinat li, filwaqt li jirrispetta l-karatteristiċi taż-żoni rurali, fl-istess ħin itejjeb u jsebbaħ il-paesaġġ Malti bil-kreazzjoni u trasformazzjoni ta’ żoni pedonali biex b’hekk l-ambjent naturali jkun jista` jitgawda aħjar mill-pubbliku inġenerali.  L-oġġettiv ewlieni tal-Belveder ta’ Wied Babu kien proprju sabiex il-wied, il-baħar u l-inħawi tal-madwar ikunu jistgħu jiġu ammirati f’passiġġata rilassanti lil’hinn mill-periklu tat-traffiku. 

Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed jinawgura uffiċjalment l-ewwel fażi tal-proġett tal-Belveder ta’ Wied Babu.  Dan il-proġett li beda fil-bidu ta’ din is-sena kien jinkludi l-bini ta’ promenade wiesgħa madwar erba’ metri f’tul ta’ ’l fuq minn 750 metru.  Saret enfażi partikolari sabiex il-materjal li ntuża jkun kemm jista` jkun naturali bl-iskop li jikkumplimenta ma’ l-aspett rurali tal-wied u l-aspett agrikolu. 

Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett, il-Ministru qal li  wara li sar it-tahmil tal-ħamrija u t-twaqqiegħ ta’ r-retaining wall li kien qed iżomm il-bankina tpoġġew il fuq minn 1,400 vaża tal-ġebel f’ tul ta’ aktar min 1,000 metru. L-użu ta’ dawn il-vażi hu bħala l-pedament tal-promenade u f’ċertu postijiet intużaw biex iservu ta’ lqugħ għat-triq eżistenti. Dawn il-vażi ġew miksija b’madwar 2,500 metru kwadru ta’ ħitan tas-sejjiegħ minn ġebel li ġie miġbur minn fuq is-sit tax-xogħlijiet waqt il-proċess tat-tħammil.  

L-ispazju li nħoloq bejn il-pedamenti tal-Belveder u t-triq eżistenti ġie msaqqaf bi precast concrete units li se sservi għal mgħodija ta’ servizzi bħal dawl u drip-irrigation għall-użu tal-Promenade stess kif ukoll għall-mgħodija ta’ xi servizzi li jistgħu jgħaddu fil-futur. Barra minn hekk, biex titaffa l-problema ta’ l-ilma tax-xita fl-inħawi, inbnew water catchments biex jiġbru l-ilma tax-xita li jiġi kemm miż-żona residenzjali taż-Zurrieq kif wkoll mill-Qrendi u ż-żoni tal-madwar. L-ilma tax-xita, ser jiġi miġbur ġo żewġ ġwiebi li jinsabu taħt il-paviment, ħalli b’sistema ta’ drip irrigation tkun tista’ ssir it-tisqija tal-fjuri li ser jiffurmaw parti integrali mill-Belveder.

Wara li ssaqqaf dan il-passaġġ, beda jinbena s-sottobank biex fuqu nbnew madwar 150 pilastru tal-ġebel tal-franka fuq stil rustiku, li hu l-element prinċipali ta’ tisbiħ tal-Belveder. Ġo dawn il-pilastri tpoġġew planters bil-fjuri ħalli b’hekk dan il-Belveder jiġi jaqbel u jiffittja mal-karatteristiċi rurali tal-madwar. Waqt il-bini tal-Belveder, ġew imqeda madwar 1,000 metru kurduna ġdida rinfurzata b’ sodda tal-konkos.  Fil-parti fit-tarf ta’ l-ewwel fażi tal-Belveder, ġiet iffurmata lay-by li tesa’ tliet coaches. Din il-layby diġa’ bdiet isservi ta’ scenic point biex it-turisti li jkunu fi triqithom lejn il-villaġġ pittoresk ta’ Wied iz-Zurrieq jew lejn it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ikunu jistgħu jitniżżlu jaraw Wied Babu u Blue Grotto mingħajr periklu. 

Il-paviment tal-promenade ġie iċċangat b’ 2,400 metru kwadru madum tal-franka u mżewwaq b’ 1,200 metru oħra madum tal-porfido. Barraminnhekk, ġew installati 420 metru ta’ railings tal-ħadid iggalvanizzat b’ puġġaman ta’ l-injam li jservi ta’ lqugħ bejn pilastru w ieħor. Biex jiddawal il-Belveder, ġew installati madwar 160 dawl tat-tip recessed lighting mal-pilastri tal-ġebel. It-tip ta’ dawl li ntuża hu intenzjonat biex inaqqas il-light pollution.  Sar ukoll kisi ta’ 1,800 tarmak fit-triq li tmiss mal-promenade. 

Il-proġett beda f’Jannar ta’ din is-sena u tlesta f’Novembru b’investiment totali ta’ ’l fuq minn Lm400,000 li jinkludi l-pagi tal-ħaddiema. 

Il-Ministru Ninu Zammit fid-diskors ta’ l-inawgurazzjoni tenna li issa li proġett ieħor ta’ tisbiħ huwa lest, huwa d-dmir tagħna lkoll li filwaqt li niffrekwentaw din iż-żona għandna napprezzaw u ngħożżu x-xogħol li sar billi nibżgħu mhux biss għal prodott komplut, imma wkoll għall-ambjent naturali tal-madwar.  Hu temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha nvoluti fit-twettiq ta’ dan il-proġett u ħeġġeġ lil kulħadd sabiex it-tieni fazi ta’ dan il-proġett jiġifieri, it-tkomplija tal-promenade sa Ħaġar Qim, ix-xogħol ukoll isir b’sengħa u b’reqqa’ bħalma sar fl-ewwel fażi. B’hekk, b’mod prattiku, inkunu qed inkomplu nħarsu, insebbħu u nindukraw l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. 

DOI – 03.12.2006

7.09 Kbytes Last Modified on 04th December, 2006

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow