INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TAL-PROMENADE TA’ WIED BABU: TITLESTA L-EWWEL FAŻI TAL-BELVEDER B’INVESTIMENT TA’ ’L FUQ MINN LM400,000
L-ambjent pittoresk, imżewwaq bl-aspett rurali u naturali għandu jiġi konservat u mtejjeb biex kull ċittadin u turist li jżurna jammira s-sbuħija tal-gżira tagħna.
Il-proġett tal-Belveder ta’ Wied Babu hu eżempju ċar ta’ kemm il-Gvern huwa determinat li, filwaqt li jirrispetta l-karatteristiċi taż-żoni rurali, fl-istess ħin itejjeb u jsebbaħ il-paesaġġ Malti bil-kreazzjoni u trasformazzjoni ta’ żoni pedonali biex b’hekk l-ambjent naturali jkun jista` jitgawda aħjar mill-pubbliku inġenerali. L-oġġettiv ewlieni tal-Belveder ta’ Wied Babu kien proprju sabiex il-wied, il-baħar u l-inħawi tal-madwar ikunu jistgħu jiġu ammirati f’passiġġata rilassanti lil’hinn mill-periklu tat-traffiku.
Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed jinawgura uffiċjalment l-ewwel fażi tal-proġett tal-Belveder ta’ Wied Babu. Dan il-proġett li beda fil-bidu ta’ din is-sena kien jinkludi l-bini ta’ promenade wiesgħa madwar erba’ metri f’tul ta’ ’l fuq minn 750 metru. Saret enfażi partikolari sabiex il-materjal li ntuża jkun kemm jista` jkun naturali bl-iskop li jikkumplimenta ma’ l-aspett rurali tal-wied u l-aspett agrikolu.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett, il-Ministru qal li wara li sar it-tahmil tal-ħamrija u t-twaqqiegħ ta’ r-retaining wall li kien qed iżomm il-bankina tpoġġew il fuq minn 1,400 vaża tal-ġebel f’ tul ta’ aktar min 1,000 metru. L-użu ta’ dawn il-vażi hu bħala l-pedament tal-promenade u f’ċertu postijiet intużaw biex iservu ta’ lqugħ għat-triq eżistenti. Dawn il-vażi ġew miksija b’madwar 2,500 metru kwadru ta’ ħitan tas-sejjiegħ minn ġebel li ġie miġbur minn fuq is-sit tax-xogħlijiet waqt il-proċess tat-tħammil.
L-ispazju li nħoloq bejn il-pedamenti tal-Belveder u t-triq eżistenti ġie msaqqaf bi precast concrete units li se sservi għal mgħodija ta’ servizzi bħal dawl u drip-irrigation għall-użu tal-Promenade stess kif ukoll għall-mgħodija ta’ xi servizzi li jistgħu jgħaddu fil-futur. Barra minn hekk, biex titaffa l-problema ta’ l-ilma tax-xita fl-inħawi, inbnew water catchments biex jiġbru l-ilma tax-xita li jiġi kemm miż-żona residenzjali taż-Zurrieq kif wkoll mill-Qrendi u ż-żoni tal-madwar. L-ilma tax-xita, ser jiġi miġbur ġo żewġ ġwiebi li jinsabu taħt il-paviment, ħalli b’sistema ta’ drip irrigation tkun tista’ ssir it-tisqija tal-fjuri li ser jiffurmaw parti integrali mill-Belveder.
Wara li ssaqqaf dan il-passaġġ, beda jinbena s-sottobank biex fuqu nbnew madwar 150 pilastru tal-ġebel tal-franka fuq stil rustiku, li hu l-element prinċipali ta’ tisbiħ tal-Belveder. Ġo dawn il-pilastri tpoġġew planters bil-fjuri ħalli b’hekk dan il-Belveder jiġi jaqbel u jiffittja mal-karatteristiċi rurali tal-madwar. Waqt il-bini tal-Belveder, ġew imqeda madwar 1,000 metru kurduna ġdida rinfurzata b’ sodda tal-konkos. Fil-parti fit-tarf ta’ l-ewwel fażi tal-Belveder, ġiet iffurmata lay-by li tesa’ tliet coaches. Din il-layby diġa’ bdiet isservi ta’ scenic point biex it-turisti li jkunu fi triqithom lejn il-villaġġ pittoresk ta’ Wied iz-Zurrieq jew lejn it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ikunu jistgħu jitniżżlu jaraw Wied Babu u Blue Grotto mingħajr periklu.
Il-paviment tal-promenade ġie iċċangat b’ 2,400 metru kwadru madum tal-franka u mżewwaq b’ 1,200 metru oħra madum tal-porfido. Barraminnhekk, ġew installati 420 metru ta’ railings tal-ħadid iggalvanizzat b’ puġġaman ta’ l-injam li jservi ta’ lqugħ bejn pilastru w ieħor. Biex jiddawal il-Belveder, ġew installati madwar 160 dawl tat-tip recessed lighting mal-pilastri tal-ġebel. It-tip ta’ dawl li ntuża hu intenzjonat biex inaqqas il-light pollution. Sar ukoll kisi ta’ 1,800 tarmak fit-triq li tmiss mal-promenade.
Il-proġett beda f’Jannar ta’ din is-sena u tlesta f’Novembru b’investiment totali ta’ ’l fuq minn Lm400,000 li jinkludi l-pagi tal-ħaddiema.
Il-Ministru Ninu Zammit fid-diskors ta’ l-inawgurazzjoni tenna li issa li proġett ieħor ta’ tisbiħ huwa lest, huwa d-dmir tagħna lkoll li filwaqt li niffrekwentaw din iż-żona għandna napprezzaw u ngħożżu x-xogħol li sar billi nibżgħu mhux biss għal prodott komplut, imma wkoll għall-ambjent naturali tal-madwar. Hu temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha nvoluti fit-twettiq ta’ dan il-proġett u ħeġġeġ lil kulħadd sabiex it-tieni fazi ta’ dan il-proġett jiġifieri, it-tkomplija tal-promenade sa Ħaġar Qim, ix-xogħol ukoll isir b’sengħa u b’reqqa’ bħalma sar fl-ewwel fażi. B’hekk, b’mod prattiku, inkunu qed inkomplu nħarsu, insebbħu u nindukraw l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
DOI – 03.12.2006
7.09 Kbytes Last Modified on 04th December, 2006
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958