KAMPANJA TA’ INFORMAZZJONI DWAR L-EWRO FL-ISKEJJEL
Qed jikber ferm l-interess minn naħa ta’ diversi sezzjonijiet tas-soċjetà Maltija fil-bidla mil-Lira Maltija ghall-Ewro, li pajjiżna qed jippjana li jwettaq. L-ewro huwa t-tieni munita l-iktar b’saħħitha fid-dinja u għalhekk dan il-pass se jpoġġi lil pajjiżna f’pożizzjoni iktar soda fix-xena internazzjonali. Hemm ħafna li pajjiżna se jgawdi minnu u għalhekk huwa ferm essenzjali li kull student jifhem l-importanza ta’ dan il-pass storiku. Għal dan l-iskop, il-Kumitat Nazzjonali għall-bidla għall-Ewro flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni se jkun qed jinforma lill-istudenti ta’ kull età u ta’ kull skola, dwar din il-bidla.
Il-Ministru Louis Galea u ċ-Chairman tal-NECC, is-Sur Joe FX Zahra żaru l-Liċeo tas-Subien Dun Gużepp Żammit fil-Ħamrun, fejn tqassmu kotba b’mistoqsija u tweġiba dwar l-ewro. “Matul il-ġimgħat li ġejjin se nqassmu ‘l fuq minn 30,000 ktejjeb lil kull tifel u tifla fl-iskejjel sekondarji tagħna. Dan huwa biss il-bidu minn sensiela ta’ inizjattivi li se nwettqu flimkien biex nassiguraw li l-istudenti tagħna jkunu mħejjija tajjeb għal din il-bidla.
L-istudenti huma ħerqana li, issa li pajjiżna sar membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jara lil pajjiżna jagħmel il-pass li jmiss: pass li se jgħaqqadna ma’ 12-il pajjiż ieħor li jużaw l-istess munita. Munita li tassigura ġejjieni fis-sod u li tagħti lil Malta benefiċji wiesa’ għal iktar xogħol, iktar investiment minn barra u trasparenza ikbar fil-prezzijiet,” stqarr il-Ministru Louis Galea.
“Bhal lum 13-il xahar, pajjiżna qed jippjana li jibdel il-munita tiegħu. Il-bidla għall-ewro se tolqot lil kulħadd. L-interess f’din il-bidla storika qed jikber u kull student għandu jinforma ruħu dwar xi tfisser din il-bidla. Huwa minnu li huma bosta l-istudenti li jċemplu fuq linja ewro 154 jew jibgħatulna e-mail mill-website tagħna www.ewro.gov.mt u jistaqsu mistoqsijiet dwar l-ewro. Dan il-ktejjeb li qed inqassmu llum jinkludi ħafna mill-informazzjoni li ġeneralment niġu mitluba minnkom l-istudenti,” tenna ċ-Chairman tal-Kumitat Nazzjonali għall-Ewro, is-Sur Joe FX Zahra.
Is-Sur Zahra qal li huwa fil-pjan tal-NECC li jieħu sehem fi Skola Sajf u li jitqassam bosta materjal ieħor iktar ’l quddiem. Diġa’ ngħata bidu għal sensiela ta’ programmi fuq Education 22 li huma speċifikament immirati għall-istudenti. Dawn il-programmi huma ta’ tagħlim b’mod interattiv fuq l-ewro.
Hemm 3 programmi differenti ta’ kull ġimgħa li kollha għandhom udjenza differenti: • “Ewrotfal” huwa ntiż għal studenti ta’ l-iskejjel Primarja, • “Ewroteens” għal studenti ta’ l-iskejjel sekondarji u • “EwroDrama” għal studenti ta’ bejn is-16 u it-18-il sena.
Matul il-ġimgħat li ġejjin, dawn il-programmi se jkunu qed jintwerew f’kull klassi f’Malta u Għawdex.
DOI – 01.12.2006
4.18 Kbytes Last Modified on 01st December, 2006
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958