IL-KORPORAZZJONI ENEMALTA TOFFRI PREZZIJIET STABBLI TAŻ-ŻJUT SA FRAR 2007 U TRAĦĦIS FIT-THIN FUEL OIL U FIS-SURCHARGE FUQ L-ELETTRIKU U L-ILMA
Il-Korporazzjoni Enemalta llum kitbet lill-Awtorità dwar ir-Riżorsi u:
- talbet awtorizzazzjoni biex tnaqqas is-surcharge fuq l-elettriku minn 59.5% għal 54% b’effett mill-ewwel reviżjoni li jmiss (1 ta’ Jannar 2007);
- talbet awtorizzazzjoni biex tnaqqas il-prezz tat-Thin Fuel Oil (żejt użat mill-industrija) bejn Lm 6.50 u Lm 8 kull tunnellata b’effett mir-reviżjoni li jmiss tal-prezzijiet taż-żjut (1 ta’ Dicembru 2006); u
- infurmatha li se żżomm il-prezz preżenti għall-petrol, petrol bla ċomb, diesel. pitrolju u light heating oil sa l-aħħar ta’ Frar 2007 peress li l-ħażniet li għandha u li nxtraw fix-xhur li għaddew huma biż-żejjed biex ikopru d-domanda.
Fir-rigward tas-surcharge, it-tnaqqis – għat-tieni darba konsekuttiva – hu dovut għal tliet fatturi prinċipali:
- is-sussidju tal-Gvern lid-djar kollha f’Malta u Għawdex, lill-industrija u lil-lukandi;
- l-istrumenti finanzjarji differenti applikati mill-Enemalta fix-xiri taż-żejt mis-swieq internazzjonali; u
- l-movimenti – dan l-aħħar pożittivi – tas-swieq internazzjonali.
Din it-tabella komparattiva li turi l-livell ta’ surcharge f’xenarji differenti. It-tabella t’hawn fuq turi biċ-ċar li l-element determinanti fil-kontroll tas-surcharge hu s-sussidju tal-Gvern.
Xahar | Rata tas-Surcharge (%) | Bis-sussidju mingħajr hedging | Bil-hedging mingħajr sussidju | Mingħajr sussidju u mingħajr hedging |
Nov-05 | 55 | 55 | 84 | 84 |
Jan-06 | 47.5 | 49 | 75 | 76 |
Mar-06 | 67.5 | 67 | 92 | 91 |
Mejju-06 | 64 | 64 | 86 | 85 |
Lulju-06 | 62 | 61 | 81 | 79 |
Sett-06 | 63.5 | 69 | 81 | 86 |
Nov-06 | 59.5 | 57 | 74 | 71 |
Jan-07 | 54 | 66 |
Fir-rigward taż-żjut l-oħra, ir-raguni prinċipali ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet hi x-xiri bil-għaqal tal-Korporazzjoni Enemalta – prinċiparjament f’Ottubru u l-bidu ta’ Novembru – fejn inħolqot ħażna biż-żejjed biex tkopri l-bżonnijiet tal-pajjiż sa l-aħħar ta’ Frar 2007. Dan wara t-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti li fl-1 ta’ Novembru 2006 waqqa’ l-prezz tal-petrol bi 3ċ7 kull litru u tad-diesel bi 3ċ4 kull litru. L-effett ta’ dak it-tnaqqis issa hu garantit għal 4 xhur b’vantaġġ għall-konsumaturi u għas-settur kummerċjali Malti.
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni ta direzzjoni wkoll lill-Enemalta biex timxi wkoll lejn politika li tħabbar kmieni ċ-ċaqlieq previst – pożittiv jew negattiv – fil-prezzijiet kemm tas-surcharge kif ukoll taż-żjut li jinbiegħu mill-pompi. Dan nemmnu li hu ta’ vantaġġ kbir kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-konsumaturi li b’hekk ikun jistgħu jippjanaw aħjar l-infieq tagħhom. Dan ikun aktar possibbli f’suq internazzjonali stabbli bħal m’hu bħalissa u konsegwentement jekk dan l-għan jintlaħaqx konsistentement jiddependi ħafna minn fatturi esterni li l-Enemalta m’għandhiex kontroll fuqhom.Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958