XOGĦLIJIET TA’ TOROQ F’GĦAWDEX
B’riferenza għall-istqarrija ta’ l-Onor. Alfred Sant waqt li kien qed jindirizza konferenza politika fil-Gżira l-Ħadd 26 ta’ Novembru, il-Ministeru għal Għawdex jixtieq għal darb’oħra jiċċara l-punt dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet ta’ toroq f’Għawdex.
Il-Ministeru għal Għawdex jirrepeti l-fatt li huwa jimxi mar-regolamenti finanzjarji tal-Gvern u għaldaqstant fejn jidħlu xogħlijiet ta’ toroq joħroġ is-sejħiet għall-offerti meħtieġa li għalihom jistgħu jittenderjaw kuntratturi u kumpaniji differenti.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jirreferi għal kumpanija partikolari li ħadet numru konsiderevoli ta’ xogħlijiet f’Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex jagħmel riferenza għar-Risposta Parlamentari tal-Mistoqsija Numru 22082 li l-Ministru għal Għawdex wieġbet matul il-ġimgħa li għaddiet u li magħha poġġiet informazzjoni dettaljata fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-Risposta Parlamentari għall-Mistoqsija magħmula mill-Oppożizzjoni turi bil-fatti kif l-għoti ta’ kull tender ingħata dejjem bl-aktar mod ġust lil dik il-kumpanija li kienet tikkwalifika skond ir-regolamenti finanzjarji.
Il-Ministeru għal Għawdex ifakkar li din l-istess kumpanija ma ħaditx il-maġġoranza tax-xogħlijiet illum biss – anke jekk l-għoti tal-kuntratti huma ġustifikati – minkejja li l-Oppożizzjoni tipprova titfa’ t-tajn u takkuża lill-Ministeru għal Għawdex jew lill-Ministru b’mod personali b’xi konnessjoni immaġinabbli ma’ din il-kumpanija. Huwa fatt li anke bejn l-1997 u l-1998 meta l-Gvern kien immexxi mill-Partit Laburista, l-istess kumpanija ħadet ukoll il-maġġoranza tax-xogħlijiet tat-toroq f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958