Left arrow Mur Lura

ESEBIZZJONI PUBBLIKA BIS-SOTTOMISSJONIJIET GĦAD-DISINN TAR-RIABILITAZZJONI TAL-MIŻBLA MAGĦLUQA TAL-MAGĦTAB

PR1620
Date Icon 25/11/2006

Bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-miżbla magħluqa tal-Magħtab tnehdiet Kompetizzjoni Internazzjonali għad-Disinn tal-Magħtab Park u kien hemm 21 reġistrazzjoni li ndikaw l-interess tagħhom fil-proċess.  Bħalissa għaddej il-proċess ta’ analiżi ta’ dawk li eventwalment ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom, liema proċess hu mistenni li jintemm il-ġimgħa d-dieħla.

Dan se jkun segwit minn esebizzjoni pubblika li se ssir f’Diċembru fejn il-pubbliku se jkun jista’ jara u jikkummenta fuq is-sottomissjonijiet esebiti.  B’hekk kulħadd se jkun jista’ jara kemm dan il-proċess miexi b’ritmu mgħaġġel u se jkun jista’ jara wkoll f’hiex se jsarraf il-proċess ta’ trasformazzjoni ta’ dik li sa ftit ilu kienet il-ġerħa nazzjonali u l-monument tat-telqa ambjentali ta’ pajjiżna. 

Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino fid-diskors tal-ftuħ tal-Biology Symposium 2006 organizzat mid-Dipartiment tal-Bioloġija ta’ l-Universita’ ta’ Malta b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)

Pullicino qal li s-sit riabilitat tal-Magħtab qed ikun ippjanat li jkun ċentru edukattiv u qed issir insistenza li d-disinn tal-park ikun jinkludi elementi li jagħmlu riferenza għall-ambjent, biodiversita’ u prattiċi ġodda ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart li ser ikunu qed jintużaw fis-sit tal-landfill ta’ l-Għallis.  

Il-Ministru Pullicino tkellem ukoll dwar l-Aġenda ta’ Lisbona u fakkar li Malta adottat il-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma.  Wieħed mill-għanijiet fis-settur ta’ l-ambjent huwa t-twaqqif ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Biodiversita’ u l-Programm ta’ Pjan t’Azzjoni.  Huwa ħabbar it-tnehdija tal-proċess li se jwassal biex pajjiżna jkollu dawn l-istrumenti sa’ l-2009.  Pullicino qal li din l-istrateġija se tkun ibbażata fuq riċerka li diġa’ teżisti u tinkludi attivitajiet relatati mar-riċerka tal-biodiversita’.  Dan se jsir bl-assistenza u l-appoġġ tax-xjentisti u r-riċerkaturi kollha u se jinkludi wkoll kollaborazzjoni mill-qrib mad-Dipartiment tal-Bioloġija. 

Il-Ministru Pullicino appella biex l-istudenti li jistudjaw fid-Dipartiment tal-Bioloġija jagħtu importanza li tixraq lis-settur agro-industrijali u s-sajd, liema setturi m’għandhom qatt ikunu sottovalutati.  Hu qal li dawn huma setturi li għandhom potenzjal qawwi minbarra li huma setturi li jħallu impatt sinifikanti fuq l-ambjent. 

Hu stieden lill-istudenti biex iqisu bħala priorita’ l-fatt li jfiehmu lill-pubbliku dak li jirriżulta mir-riċerki tagħhom għax hekk biss il-poplu jista’ japprezza l-wirt naturali u ambjentali tal-pajjiż.  

Hu qal li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ukoll qed iqis din bħala priorita’ tal-ħidma tiegħu u ħabbar li minn Jannar li ġej se jibdew isiru laqgħat ta’ apprezzament ambjentali b’kollaborazzjoni ma’ NGO’s u individwi oħrajn li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent. 

Fl-aħħarnett il-Ministru Pullicino semma wkoll il-programm tal-EkoSkola li hija immirata li xxerred edukazzjoni u għarfien ambjentali fost l-istudenti u stieden lil kull min għandu l-ambjent għal qalbu biex jagħti l-kontribut tiegħu lejn is-suċċess ta’ din l-inizjattiva.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow