PROĠETT LI JSEGWI L-PASSI TA’ SAN PAWL
Meta kien qed jitkellem fit-tnedija tal-proġett Medmission, flimkien mal-Fondazzjoni Temi Zammit, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li fi sforz biex tqarreb aktar lejn xulxin lill-pajjiżi membri, l-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi programmi li jiġu realizzati bejn diversi Stati ta’ l-istess Unjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li programmi bħal dawn iwasslu għal koperazzjoni fl-oqsma tal-kultura, tradizzjonijiet u folklor u biex id-diversita’ tal-kulturi u tradizzjonijiet flok ikunu ta’ xkiel għal aktar ftehim bejn il-popli, jwasslu biex jgħaqqduhom aktar bejniethom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn il-programmi jwasslu wkoll biex jikber it-turiżmu intern bejn il-Membri Stati ta’ l-Unjoni Ewropea u biex ikunu anke mezz ta’ promozzjoni għas-settur turistiku.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li wieħed minn dawn il-programmi huwa l-programm Interreg IIIB li qed jiffinanza parti mill-proġett MEDMISSION. Il-proġett Medmission hu maħsub li jikrea xibka kulturali ta’ bliet Mediterranji li jieħdu it-triq tal-missjoni ta’ l-Appostlu San Pawl.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-proġett għandu wkoll l-għan li, permezz tat-triq missjunarja li għadda minnha San Pawl mil-Lvant Nofsani sa’ Ruma, noħolqu xibka kulturali sostenibbli fuq il-passi ta’ dan il-qaddis u missjunarju.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li t-tagħlim ta’ San Pawl li kkontribwixxa għall-formazzjoni taċ-Ċivilta’ Oċċidentali llum jista’ jagħti sehem importanti biex niżviluppaw il-wirt kulturali komuni tal-bliet minn fejn għadda San Pawl. San Pawl ukoll influwenza l-mod ta’ ħajja tagħna, speċjalment fil-każ ta’ Malta fejn il-kult Pawlin huwa qawwi. Hu qal li dan il-proġett jinfirex fuq tmien lokalitajiet f’Ċipru, il-Greċja, Malta u l-Italja. Hu qal li l-Fondazzjoni Temi Zammit qed tirrappreżenta lil Malta f’dan il-proġett importanti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-proġett MEDMISSION kellu wkoll l-iskop li joħloq ‘prodott’ ta’ turiżmu kulturali. Il-proġett ser ikun jikkonsisti f’numru ta’ inizjattivi, fosthom: ġbir ta’ informazzjoni dwar il-vjaġġi u l-ħajja ta’ San Pawl partikolarment fl-ibliet li qed jipparteċipaw fil-proġett, il-ħolqien ta’ numru ta’ attivitajiet fuq San Pawl, ħolqien ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, sit elettroniku li jipprovdi informazzjoni u jippromwovi l-vjaġġi ta’ San Pawl, kif ukoll il-formazzjoni ta’ “rotta turistika” fuq il-passi tat-triq missjunarja ta’ San Pawl. Dan il-proġett għandu jwitti t-triq għall-kampanja ta’ komunikazzjoni għall-industrja turistika f’Malta, Reggio Calabria, Pafos, Rodi u Lesvos.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Fondazzjoni Temi Zammit kienet sieħeb importanti fil-proġett MEDMISSION, kontribut li kien se jgħin biex insibu aħjar l-għeruq tagħna u biex inkattru l-kultura Mediterranja li hi wirt tagħna lkoll.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958