FESTA TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ser jorganizza Festa taż-Żejt taż-Żebbuġa għall-ewwel darba. Din il-Festa se ssir nhar il-Ħadd li ġej mill-10.00 a.m. ’l quddiem, u se ssir fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokjali ta’ Burmarrad.
Il-ħsieb wara din il-Festa hija li permezz ta’ numru ta’ attivitajiet tingħata importanza lil wieħed mill-prodotti tipiċi ewlenin ta’ pajjiżna, proprjament iż-żejt taż-żebbuġa. Il-festa għandna sservi biex fl-istess waqt tippromwovi wkoll prodotti tipiċi oħrajn bħalma huma prodotti agrikoli, għasel u iekol tipiku ieħor.
Għal din il-Festa ġew mistiedna l-produtturi lokali kollha taż-żejt taż-żebbuġa li ser ikunu qed jesebixxu u jbiegħu l-prodotti tagħhom.
Il-Festa se tinkludi wkoll element ta’ divertiment li se jkun provdut mill-grupp li jdoqq mużika tradizzjonali ‘Nafra’ kif ukoll minn banda tradizzjonali u grupp ta’ għannejja. Il-Festa se tinkludi wkoll l-aspett informattiv u edukattiv u se jkun hemm dimostrazzjoni ta’ tasting taż-żejt taż-żebbuġa minn espert Taljan, kif ukoll diskussjoni dwar il-produzzjoni u l-promozzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qal li din l-attivita’ tkompli tibni fuq attivitajiet simili li ttellgħu fix-xhur li għaddew u li għandhom l-għan ewlieni li jippromwovu prodotti tipiċi Maltin. Il-Perit Pullicino qal li din l-attivita’ hija parti minn kampanja kostanti tal-Ministeru favur il-prodotti Maltin u huwa ta’ sodisfazzjon li jkun innutat li l-pubbliku baqa’ jagħżel il-prodott Malti.
Il-Ministru George Pullicino tenna li l-Ministeru qed jippjana numru ta’ attivitajiet oħrajn għax-xhur li ġejjin u li l-ħsieb hu li dawn jibqgħu jittellgħu fuq bażi regolari.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958