IMNEDIJA SKEMA LI TINKORAĠĠIXXI ‘DUAL DISPLAY OF PRICES’ KMIENI KEMM JISTA’ JKUN
Fil-preżenza ta’ ħames ghaqdiet li jirrappreżentaw is-settur tan-negozju f’pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għal Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech ħabbar skema li permezz tagħha in-negozji jikkommettu ruhhom biex ma’ jaghmlux zieda fil-prezzijiet minħabba l-bidla fil-munita, filwaqt li ser jiġu mħeġġa sabiex minn kmieni s-sena d-dieħla jibdew juru l-prezzijiet kemm bil-Lira Maltija kif ukoll bl-ewro.
“It-triq għal bidla bil-għaqal u li minnha jgawdi kullħadd, tiddependi ferm mis-sidien tan-negozji. Huwa għalhekk li nirringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, l-FOI, l-MHRA, u l-MEA ta’ l-appoġġ tagħhom f’dan ir-rigward. Permezz tal-ħidma ta’ dawn l-istituzzjonijiet flimkien mal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-ewro, din l-iskema għandha tkun suċċess,” qal is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech. Hemm diversi preparamenti li kull negozju jrid iħejji sabiex ikun lest għall-ewro. L-inizjattiva FAIR (Fair pricing Agreements in Retailing) hija l-ewwel pass għal bidla mingħajr problemi.
L-aħħar stharrig ippublikat mill-Kummissjoni Ewropea fil-bidu ta’ Novembru juri li 69% tal-Maltin jibżgħu li din il-bidla se ġġib magħha zieda fil-prezzijiet. Is-Segretarju Parlamentari Fenech qal li l-Inizjattiva FAIR hija maħluqa sabiex kull sid ta’ ħanut iġedded il-fiduċja tal-konsumatur fin-negozju u jkollu opportunita’ sabiex jagħmel mill-bidla għall-ewro suċċess.
Tonio Fenech enfassizza li kull min jissieħeb fil-FAIR se jkun qed jikkommetti ruħu li n-negozju tiegħu jħaddan prezzijiet ġusti u jimpenja ruħu li ma jgħollix il-prezzijiet għas-sempliċi raġuni tal-bidla għall-ewro. L-għaqda li teżisti llum bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tas-sidien tan-negozji għandha twassal sabiex din il-bidla ma ġġibx magħha abbużi, iżda toħloq kunfidenza fil-konsumatur.
Is-Sur Joe FX Zahra, Chairman tal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro spjega li l-inizjattiva FAIR hija speċifikament maħluqa biex tgħin lin-negozji isaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi tagħhom u tgħinhom jieħdu l-kunfidenza neċessarja fil-bidla għall-ewro. Il-FAIR hija fl-aħħar mill-aħħar impenn minn naħa tan-negozjant biex jaddotta prattiċi tajba fin-negozju tiegħu u jkun kommess li juri prezzijiet ġusti u trasparenti matul il-bidla. Il-FAIR tgħin lin-negozjant jintroduċi d-Dual Displayb’mod sempliċi u gradwali qabel il-perjodu mandatorju waqt li tiggarantixxi t-trasparenza u l-onestà fil-prezzijiet. Min jissieħeb f’din l-iskema jingħata l-FAIR ‘trust mark’ (li tintwera fuq il-vetrina tal-ħanut) li hija xhieda li dak in-negozju huwa ta’ min jafdaħ u impenjat li jaqdi l-konsumatur mill-aħjar.
Is-Sur Alan Camilleri, Direttur Eżekuttiv ta’ l-NECC tenna li l-NECC se jkun qed jagħti taħriġ lill-ħaddiema, jwettaq promozzjoni fuq livell nazzjonali, u jipprovdi tool kit, dual pricing guns u tabelli ta’ l-ammonti b’xejn lil dawn in-negozji kollha. “Diġa’ hemm interess qawwi minn diversi negozji ewlenin f’pajjiżna sabiex jissieħbu f’din l-iskema. Dan jawgura tajjeb sabiex in-numru ta’ negozji li juru l-prezzijiet biż-żewġ muniti jkun wieħed għoli mill-bidu tas-sena id-dieħla,” temm jgħid is-Sur Camilleri.
Din l-inizjattiva se tkun immexxija minn organu ġdid fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Il-Euro Observatory Unit se jmexxi u jissorvelja l-iskedi tad-Dual Display kif sottomessi mill-parteċipanti tal-FAIR. Se jkun żgurat li l-parteċipanti tal-FAIR jilħqu l-impenji tagħhom u li jinżamm kuntatt kontinwu mal-NECC. Fuq kollox l-għan ta’ dan il-Unit huwa li jeduka u jħarreġ lin-negozji biex jiżgura preparazzjoni adegwata u fil-ħin dwar il-bidla għall-ewro.
L-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, qal li “din l-inizjattiva, kif qed tiġi proposta, hija l-akbar patt soċjali li s-sidien tan-negozji tagħna ser ikunu qegħdin jagħmlu volontarjament magħhom infushom, mal-konsumaturi tagħhom u mal-ġejjieni ta’ pajjiżna. Minn dan il-proċess ta’ bidla mill-munita tal-Lira Maltija għall-ewro, jiddependi l-ġejjieni ekonomiku u tal-kummerċ ta’ pajjiżna. Iżjed ma jkollna proċess ta’ bidla mibni fuq il-valur tal-ġenwinita’, iżjed inkunu qegħdin niggarantixxu s-suċċess għan-negozju tagħna. Jiena nħeġġeġ lin-negozji kollha biex jiċċertifikaw il-ġenwinita’ u s-sinċerita’ tagħhom fil-bidla mil-Lira għall-ewro, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema FAIR.”
“Iżjed ma jkollna negozji jipparteċipaw f’din l-iskema, inqas ikollna konsumaturi beżgħana u dubjużi minn din il-bidla. Din l-inizjattiva li qegħda tiġi proposta lis-sidien tan-negozji, hija inizjattiva li għandha twassal lill-konsumaturi biex jkollhom aktar fiduċja fis-sidien tan-negozji. Għaldaqstant, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Kommunikazzjoni, nimpenja l-ħidma tagħna sabiex naraw li din l-iskema tkun suċċess.”
Grupp ta’ Euro Assistants huma lesti biex jduru n-negozju madwar Malta u Għawdex kollu sabiex iħarġu dwar il-bidla għall-ewro u jispjegaw kif wieħed għandu jippjana b’mod għaqli għal din il-bidla. Dawn il-Euro Assistants se jkunu qed iqassmu l-applikazzjonijiet għal FAIR, ħanut ħanut matul il-ġimgħat li ġejjin.
Kwalunkwe informazzjoni fuq din l-iskema tista’ tinstab fis-sit www.euro.gov.mt jew billi wieħed iċempel fuq linja ewro 154.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958