MISTENNIJA ŻIEDA FIR-RITMU TAX-XOGĦOL F’TOROQ RESIDENZJALI
Il-Gvern għadu kif ippubblika s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess minn kuntratturi li jridu jidħlu f’period contracts għall-bini ta’ toroq residenzjali.
Waqt żjara li għamel dal-għodu fil-Madliena, fejn għadhom kemm bdew ix-xogħlijiet fuq erba’ toroq li qed jinbnew għall-ewwel darba mill-Gvern Ċentrali, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li s-Swieqi huwa wieħed mil-lokalitajiet fejn bħalissa qed isir ħafna xogħol fuq it-toroq residenzjali peress li dan ra żvilupp sostanzjali fl-aħħar snin.
“F’dawn il-jiem beda x-xogħol fuq erba’ toroq residenzjali fil-Madliena li kienu fost tenders li ħarġu matul din is-sena, għall-bini ta’ 7 toroq residenzjali fil-lokalità tas-Swieqi, fejn kienu ġew identifikati 22 triq li ddaħħlu fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008. Minn dawn, diġa’ tlestew żewġ toroq – Triq il-Ġiżi u Triq it-Tari, fl-inħawi ta’ l-Ibraġ. Ix-xogħlijiet fit-toroq tal-Madliena qed isiru fi Triq il-Veduta, Triq Esprit Barthet, Triq Emmanuel Agius u Triq il-Markiż J. Scicluna; u jinkludu l-bini tal-bankini, titjib fil-house connections ta’ l-ilma fejn ikun hemm bżonn u l-asfaltar tal-karreġġjati. Qed isir ukoll xogħol simili fi Triq il-Ħabba f’ta’ l-Ibraġ.
“Ix-xogħlijiet fit-toroq residenzjali tas-Swieqi qed jiżdied mat-titjib ta’ bosta toroq ewlenin f’dawn l-inħawi li ttejbu dan l-aħħar, peress li ser ikunu qed jintużaw bħala rotot alternattivi waqt il-bini mill-ġdid tal-Pont Manwel Dimech, qal il-Ministru Mugliett.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li għalkemm il-volum ta’ xogħol li għaddej bħalissa f’toroq residenzjali madwar Malta huwa kbir, il-Gvern ser idur għal period contracts bħala l-għodda ewlenija biex jimplimenta l-programm ta’ bini ta’ 450 toroq residenzjali matul is-sentejn li ġejjin.
“Il-prijorità għolja li għandu dan il-programm din is-sena wasslet għall- allokazzjoni ta’ Lm2 miljuni f’fondi supplimentari, proprju biex inkunu nistgħu inżidu l-volum ta’ xogħlijiet bħal dawn immedjatament.
“Madanakollu, għalkemm għad fadal x’jitlestew mat-80 triq mit-tenders li ħriġna din is-sena, minn kmieni beda jidher li l-proċedura biex jinħareġ tender għal kull triq, kienet qed ixxejjen ir-ritmu li seta jimxi bih ix-xogħol. Il-proċedura kienet qegħda wkoll iġġebbed ir-riżorsi umani fin-Network Infrastructure Directorate,” qal il-Ministru Mugliett.
“Biżżejjed insemmi t-tul ta’ żmien bejn minn meta ħarġu it-tenders għall-bini ta’ dawn it-toroq fil-Madliena u meta fil-fatt seta’ jibda x-xogħol, kien jaqbeż l-erba’ xhur. Tenders b’valur akbar ta’ spiss idumu aktar minn hekk,” qal il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Il-Ministru Mugliett qal li l-period contracts ser iwasslu għal tnaqqis drastiku ta’ dan iż-żmien ta’ stennija u għalhekk ser iwasslu għal żieda fin-numru ta’ toroq residenzjali li jkunu jistgħu jinbnew kull sena, li fl-aħħar tliet snin kien jilħaq medja ta’ 126 triq fis-sena.
Is-sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għal dawn il-period contracts setgħet toħroġ wara li ntemmu b’suċċess negozjati mal-Federazzjoni ta’ l-Industriji biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ ħlas għax-xogħlijiet li jaqgħu taħt dawn il-kuntratti. B’hekk il-Gvern fil-prattika anke iffissa r-rati ta’ ħlas għas-sentejn li ġejjin. Għalkemm is-sejħa tagħlaq fl-1 ta’ Diċembru, diġa inġabru 17–il kopja tad-dokument minn meta ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern il-ġimgħa li għaddiet.
Dawn il-kuntratti joffru wkoll mezz ta’ kontroll fuq il-kwalità tax-xogħol peress li min ma jlestix l-kuntratt skond il-kwalità mixtieqa jew jaqbeż iż-żmien stipulat, jitneħħa mill-polza u għalhekk ma jkunx jista’ jieħu kuntratt ieħor. B’hekk il-kuntratturi qed jingħataw ukoll inċentiv biex jaħdmu sew u b’ritmu tajjeb, ħalli jiksbu garanzija ta’ xogħol kontinwu matul it-twettiq tal-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali fis-sentejn li ġejjin.
Għalkemm il-period contracts ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ser japplikaw biss għal toroq residenzjali f’Malta, il-Ministeru t’Għawdex mistenni joħroġ sejħa għall-interess fuq dawn il-linji għall-bini ta’ toroq residenzjali f’Għawdex.
Il-Ministru Mugliett temm jgħid li bħalissa, l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qiegħed jiffinalizza l-listi tat-toroq li ser isir ix-xogħol fuqhom fl-ewwel period contracts li ser jingħataw fis-sena l-ġdida.
“L-impenn tagħna kien li matul is-sentejn li ġejjin jitlestew kemm jista’ jkun mill-450 triq residenzjali li hemm fil-programm li kien ippubblikat f’Awissu. Illum il-Gvern qed juri bil-fatti li miexi fit-triq it-tajba biex dan l-impenn iżommu.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958