Left arrow Go Back

MISTENNIJA ŻIEDA FIR-RITMU TAX-XOGĦOL F’TOROQ RESIDENZJALI

PR1602
Date Icon 23/11/2006

Il-Gvern għadu kif ippubblika s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess minn kuntratturi li jridu jidħlu f’period contracts għall-bini ta’ toroq residenzjali.

Waqt żjara li għamel dal-għodu fil-Madliena, fejn għadhom kemm bdew ix-xogħlijiet fuq erba’ toroq li qed jinbnew għall-ewwel darba mill-Gvern Ċentrali, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li s-Swieqi huwa wieħed mil-lokalitajiet fejn bħalissa qed isir ħafna xogħol fuq it-toroq residenzjali peress li dan ra żvilupp sostanzjali fl-aħħar snin.

“F’dawn il-jiem beda x-xogħol fuq erba’ toroq residenzjali fil-Madliena li kienu fost tenders li ħarġu matul din is-sena, għall-bini ta’ 7 toroq residenzjali fil-lokalità tas-Swieqi, fejn kienu ġew identifikati 22 triq li ddaħħlu fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008. Minn dawn, diġa’ tlestew żewġ toroq – Triq il-Ġiżi u Triq it-Tari, fl-inħawi ta’ l-Ibraġ. Ix-xogħlijiet fit-toroq tal-Madliena qed isiru fi Triq il-Veduta, Triq Esprit Barthet, Triq Emmanuel Agius u Triq il-Markiż J. Scicluna; u jinkludu l-bini tal-bankini, titjib fil-house connections ta’ l-ilma fejn ikun hemm bżonn u l-asfaltar tal-karreġġjati. Qed isir ukoll xogħol simili fi Triq il-Ħabba f’ta’ l-Ibraġ.

“Ix-xogħlijiet fit-toroq residenzjali tas-Swieqi qed jiżdied mat-titjib ta’ bosta toroq ewlenin f’dawn l-inħawi li ttejbu dan l-aħħar, peress li ser ikunu qed jintużaw bħala rotot alternattivi waqt il-bini mill-ġdid tal-Pont Manwel Dimech, qal il-Ministru Mugliett.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li għalkemm il-volum ta’ xogħol li għaddej bħalissa f’toroq residenzjali madwar Malta huwa kbir, il-Gvern ser idur għal period contracts bħala l-għodda ewlenija biex jimplimenta l-programm ta’ bini ta’ 450 toroq residenzjali matul is-sentejn li ġejjin.

“Il-prijorità għolja li għandu dan il-programm din is-sena wasslet għall- allokazzjoni ta’ Lm2 miljuni f’fondi supplimentari, proprju biex inkunu nistgħu inżidu l-volum ta’ xogħlijiet bħal dawn immedjatament.

“Madanakollu, għalkemm għad fadal x’jitlestew mat-80 triq mit-tenders li ħriġna din is-sena, minn kmieni beda jidher li l-proċedura biex jinħareġ tender għal kull triq, kienet qed ixxejjen ir-ritmu li seta jimxi bih ix-xogħol. Il-proċedura kienet qegħda wkoll iġġebbed ir-riżorsi umani fin-Network Infrastructure Directorate,” qal il-Ministru Mugliett.

“Biżżejjed insemmi t-tul ta’ żmien bejn minn meta ħarġu it-tenders għall-bini ta’ dawn it-toroq fil-Madliena u meta fil-fatt seta’ jibda x-xogħol, kien jaqbeż l-erba’ xhur. Tenders b’valur akbar ta’ spiss idumu aktar minn hekk,” qal il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.

Il-Ministru Mugliett qal li l-period contracts ser iwasslu għal tnaqqis drastiku ta’ dan iż-żmien ta’ stennija u għalhekk ser iwasslu għal żieda fin-numru ta’ toroq residenzjali li jkunu jistgħu jinbnew kull sena, li fl-aħħar tliet snin kien jilħaq medja ta’ 126 triq fis-sena.

Is-sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għal dawn il-period contracts setgħet toħroġ wara li ntemmu b’suċċess negozjati mal-Federazzjoni ta’ l-Industriji biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ ħlas għax-xogħlijiet li jaqgħu taħt dawn il-kuntratti. B’hekk il-Gvern fil-prattika anke iffissa r-rati ta’ ħlas għas-sentejn li ġejjin. Għalkemm is-sejħa tagħlaq fl-1 ta’ Diċembru, diġa inġabru 17–il kopja tad-dokument minn meta ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern il-ġimgħa li għaddiet.

Dawn il-kuntratti joffru wkoll mezz ta’ kontroll fuq il-kwalità tax-xogħol peress li min ma jlestix l-kuntratt skond il-kwalità mixtieqa jew jaqbeż iż-żmien stipulat, jitneħħa mill-polza u għalhekk ma jkunx jista’ jieħu kuntratt ieħor. B’hekk il-kuntratturi qed jingħataw ukoll inċentiv biex jaħdmu sew u b’ritmu tajjeb, ħalli jiksbu garanzija ta’ xogħol kontinwu matul it-twettiq tal-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali fis-sentejn li ġejjin.

Għalkemm il-period contracts ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ser japplikaw biss għal toroq residenzjali f’Malta, il-Ministeru t’Għawdex mistenni joħroġ sejħa għall-interess fuq dawn il-linji għall-bini ta’ toroq residenzjali f’Għawdex.

Il-Ministru Mugliett temm jgħid li bħalissa, l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qiegħed jiffinalizza l-listi tat-toroq li ser isir ix-xogħol fuqhom fl-ewwel period contracts li ser jingħataw fis-sena l-ġdida.

“L-impenn tagħna kien li matul is-sentejn li ġejjin jitlestew kemm jista’ jkun mill-450 triq residenzjali li hemm fil-programm li kien ippubblikat f’Awissu. Illum il-Gvern qed juri  bil-fatti li miexi fit-triq it-tajba biex dan l-impenn iżommu.” 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow