AKTAR MINN LM100 MILJUN TA’ INVESTIMENT ĠDID F’LUKANDI
“Il-fiduċja fis-settur turistiku toħroġ mill-fatt li bejn din is-sena u t-tliet snin li ġejjin hemm f’diversi stadji ta’ ppjanar u kostruzzjoni, 37 proġett ta’ lukandi ġodda jew estensjonijiet ta’ lukandi eżistenti li bejniethom attiraw investiment ta’ aktar minn Lm100 miljun.”
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech meta żar ‘The Palace Hotel’ f’tas-Sliema, lukanda b’156 kamra tas-sodda, 10 suites, u tinvolvi investiment ta’ madwar Lm9 miljun. Din il-lukanda qed tinbena ħdejn il-lukanda Victoria, li t-tnejn huma ta’ l-istess imprenditur, Angelo Xuereb.
The Palace Hotel ser ikun fiha 11-il tip ta’ kmamar, diversi swali, ristoranti u amenitajiet li jagħmlu minnha żieda mportanti għas-settur turistiku Malti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-settur turistiku hu wieħed dinamiku li anke meta jgħaddi minn perjodi diffiċli, kapaċi jirpilja biex mhux biss iżomm in-numru ta’ turisti li jkunu ġew fis-snin l-imgħoddija, iżda wkoll li jżidhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Malta, għaliex gżira, tiddependi kważi kompletament għat-turisti li jżuruha mill-ajru. Hu qal li llum inqas minn nofs it-turisti jivvjaġjaw bl-ajru u għalhekk aħna diġa’ għandna dan l-iżvantaġġ kbir fil-konfront ta’ destinazzjonijiet turistiċi oħra. Hu qal li żvantaġġ ieħor hu li ħafna mill-aġenti ta’ l-ivjaġġar, li aħna niddependu ħafna fuqhom, qed jagħżlu li joperaw lejn destinazzjonijiet li jirċievu ħafna turisti u titjiriet ‘long haul’. Hu qal li dan ukoll jaffetwana negattivament.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li quddiem din is-sitwazzjoni – wara stħarriġ dwar kif jistgħu jaffetwawna – il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jiftaħ rotot għal linji ta’ l-ajru ‘low cost’ mingħajr ma jaffetwa b’mod negattiv linji nazzjonali ta’ l-ajru li ilhom jagħtuna servizz għal għexieren ta’ snin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li preżentament qed joperaw lejn u minn pajjiżna linji low costbħal Meridiana, Centralwings u Ryanair. Hu qal li flimkien ma’ dawn hemm il-BritishJet.com. Il-Ministru Zammit Dimech qal li apparti l-BritishJet.com, li fl-2005 ġabet lejn pajjiżna aktar minn 50,000 passiġġier, l-erbgha linji l-oħra ġabu bejniethom ’l fuq minn 20,000 passiġġier ieħor; filwaqt li s-sena d-dieħla mistennija jġibu lejn pajjiżna madwar 115,000 passiġġier. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn iċ-ċifri jistgħu jiżdiedu darba jittieħdu l-offerti li għamel il-Gvern għal sitt rotot ġodda fi Spanja u l-Portugall, l-Isvezja, n-Norveġja, id-Danimarka u l-Polonja.
Il-Ministru qal li filwaqt li jkollok lukandi li jagħlqu biex flokhom jitilgħu blokki ta’ appartamenti, ikollok oħrajn li jinfetħu ġodda. Hu qal li f’ħafna każi jagħlqu lukandi żgħar u jiftħu lukandi li minħabba l-kobor tagħhom, jistgħu jkunu aktar kompetittivi. Hu qal li din is-sena fetħu żewġ lukandi kbar ta’ Ħames Stilel: Le Meridien f’San Ġiljan u l-Fortina Tower b’646 sodda u b’investiment ta’ Lm21 miljun. Hu qal li fit-tliet snin li ġejjin hemm ippjanati 35 lukanda, jew estensjonijiet, b’żieda ta’ 5,031 sodda u b’investiment ġdid ta’ aktar minn Lm80 miljun biex hekk bejn din is-sena u l-2009, se jkun hemm investiment f’lukandi ta’ aktar minn Lm100 miljun.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-familja Xuereb għall-kontribut li qed jagħtu għas-settur turistiku f’pajjiżna mhux biss bil-bini ta’ lukandi, iżda billi jagħtu lit-turist dak is-servizz li jkun qed jistenna minnha. Hu qal li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, fl-istess direzzjoni, m’għandux dubbju li s-settur turistiku jirpilja, jikkonsolida u jissaħħaħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958