‘GĦAL KULĦADD MILL-ANZJANI’, FIERA TAL-MILIED F’SAN VINCENZ DE PAUL
Hekk kif resqin lejn il-festi sbieħ tal-Milied, l-anzjani residenti f’San Vincenz de Paul ukoll bdew bil-tħejjijiet tagħhom bi preparazzjoni għal dawn il-festi, permezz ta’ fiera li qed tittella’. L-għan tal-fiera hu li niċċelebraw il-ħidma ta’ sena sħiħa tal-anzjani li jattendu l-Occupational Therapy Unit f’din ir-residenza. Din l-attivita’ tagħtina wkoll l-opportunita’ li napprezzaw li l-anzjani tagħna għandhom bosta ħiliet li jridu jkomplu jiġu żviluppati u kultivati minkejja l-eta’. Il-fiera li ġiet inawgurata dal-għodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor. Helen D’Amato, ser tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru. Fost l-affarijiet li wieħed isib għall-bejgħ, insibu bosta pjanti u xogħlijiet oħra ta’ crafts maħduma mill-istess anzjani li jattendu l-Occupational Therapy Unit f’din ir-residenza. L-oġġetti jvarjaw minn xogħlijiet ta’ knitting, crochet, wicker, arkett u njam fost oħrajn.
L-Onor. D’Amato filwaqt li ferħet lill-anzjani għax-xogħol li rnexxielhom jagħmlu tul din is-sena, rringrazzjat lill-ħaddiema għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom. Hija qalet li l-Occupational Therapy mmexxija mis-Sinjura Antoinette Laferla, hija ferm utli għar-riabiltazzjoni tal-pazjenti għaliex permezz ta’din it-terapija huma jkunu qed iħaddmu diversi partijiet ta’ ġisimhom kif ukoll moħħhom. Hija qalet li l-Occupational Therapy Unit ittella diversi attivitajiet għal dawn l-anzjani, u din is-sena għall-ewwel darba bdew jittellgħu cookery sessions fis-swali, ezerċizzju li kien suċċess u li l-anzjani jieħdu ferm gost jagħmlu.
‘‘Huwa ferm importanti li nagħmlu użu mill-ħiliet ta’ l-anzjani tagħna, għaliex dawn għandhom ferm x’joffru, u għalhekk huwa d-dmir tagħna li nagħrfu nagħmlu użu tajjeb mill-ħiliet ta’ l-anzjani tagħna,” kompliet tgħid l-Onor D’Amato.
Din il-fiera ser tkun miftuħa mill-21 ta’ Novembru sas-Sibt 26 ta’ Novembru bejn id-9.00 a.m. u l-5.00 p.m.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958