L-AĦĦAR XOGĦLIJIET FIL-PROĠETT TA’ L-GĦARGĦAR QORMI – MARSA - INVESTIMENT TAL-GVERN TA’ ‘L FUQ MINN LM1.5 MILJUN FUQ PERJODU TA’ SENTEJN
L-ambjent infrastrutturali ta’ pajjiżna huwa bbażat fuq diversi fatturi, fosthom strutturi li l-ilma tax-xita li jgħaddi mit-toroq u mill-korsi ta’ l-ilma (watercourses) ikun kkontrollat bil-għan li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent inġenerali. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’dan l-aspett u l-politika adottata fl-aħħar snin turi biċ-ċar u bil-fatti li l-problema ta’ l-għargħar qed tiġi ndirizzata bis-serjeta.
Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet fuq il-proġett tal-prevenzjoni mill-għargħar fl-inħawi ta’ Ħal Qormi u l-Marsa. Il-watercourse li se jkun komplut fil-ġimgħat li ġejjin jilqa fih ammont konsiderevoli ta’ ilma tax-xita, li tinġabar fil-catchmentarea ta’ Wied il-Kbir, areamifruxa mill-Buskett sal-Menqa tal-Marsa. B’dawn ix-xogħlijiet li saru, issa f’din iż-żona se jkun inbena kanal ta’ ‘l fuq minn kilometru u nofs b’wisa konsistenti ta’ 12-il metru u li kapaċi jilqa l-ilma kollu li jinzel mir-rotta msemmija.
Il-Ministru fakkar li wara x-xogħlijiet li saru fl-ewwel parti tal-kanal minn Ħal Qormi sal-Marsa f’tul ta’ madwar 1,200 metru, kien imiss li l-parti minn Triq Aldo Moro sa’ Jetties Wharf ukoll tkun imwessa’ bl-istess qies. Għaldaqstant wara li ġew studjati l-possibilitajiet kollha ta’ kif setgħa jsir it-twessiegħ, ġie deċiż li l-kanal jiġi mwessa’ n-naħa ta’ l-ex skola li kienet tinsab fiż-żona. Minħabba struttura skedata ta’ valur storiku li tinsab fit-tarf tal-kanal, fl-aħħar parti tal-kanal kellha tinbena fergħa ġdida ta’ watercourse li ddur ma l-imsemmija struttura.
Meta kien qed jispjega l-aħħar parti tal-kanal, il-Ministru Ninu Zammit qal li l-aħħar xogħlijiet issa huma kkonċentrati fuq bini ta’ bridge fit-tarf tal-kanal il-ġdid. Din il-fażi tikkonsisti fi 23 pilastru tal-konkrit ta’ metru diametru bħala pedamenti għal pont li uħud minnhom għandhom fond ta’ madwar 18-il metru. Wara li saru dawn il-pilastri, ġew mibnija l-ġnub tal-pont b’ħitan magħmulin minn konkrit rinfurzat. Ladarba saru l-pedamenti kollha tal-pont, ġiet imħammla ż-żona kolla u sussegwentament beda jitpoġġa l-qiegħ tal-kanal ta’ taħt il-pont li hu ffurmat minn panelli precasttal-konkrit. Fil-preżent qed jitpoġġew it-travi fuq il-pilastri. B’kollox se jkun hemm madwar 70 travu prestressed sabiex eventwalment jingħata l-wiċċ tal-pont bil-konkos li se jservi wkoll bħala sodda għat-tarmac tat-triq. Ix-xogħlijiet f’din il-fażi kienu kemxejn kumplessi peress li parti sostanzjali tax-xogħliet kellu jsir taħt il-livell ta’ l-ilma baħar. Il-Perit Ninu Zammit faħħar il-kontribut tal-professjonisti, tat-tekniċi u l-ħaddiema li ħadmu fuq dan il-proġett. L-investiment totali fuq il-proġett kollu minn Ħal Qormi sal-Menqa jaqbeż il-miljun u nofs liri maltin, inkluż il-pagi tal-ħaddiema.
Dan l-investiment jinkludi madwar 7,871 metru kubu ta’ ġebel tal-franka ta’ qies speċjali bit-talut, 14,470 metru kubu ġebel ta’ qies normali, 10,303 metru kubu żrar ta’ qisien varji, u ’l fuq minn 10,000 metru kubu konkrit li ntużaw fil-kanal bejn Ħal Qormi u l-Marsa. Fil-kanal bejn Triq Aldo Moro u l-Menqa ntużaw 130 element tal-precast li jifforma l-ġnub tal-kanal, 650 element li jifforma l-qiegħ, 2,500 metru kubu ta’ konkrit, 2,170 metru kubu ta’ żrar, u 1,448 metru kubu jew 1,800 ġebla jew vaża ta’ qies speċjali.
Fl-aħħarnett il-Ministru qal li l-permess fuq il-kanal ta’ Burmarrad wasal fl-istadju finali u hu pprogrammat li matul is-sena d-dieħla jibda u jitlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ korsa ta’ l-ilma li ser tgħaqqad il-Wied ta’ Għajn Rihana mas-sokkorsu fis-Salini.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958