Left arrow Mur Lura

JIĠI INAWGURAT TITJIB LI SEĦĦ FIL-VILLAĠĠ ARTIĠJANALI TA’ TA’ DBIEĠI, F’GĦAWDEX

PR1570
Date Icon 17/11/2006

Il-ħidma li saret mill-Malta Industrial Parks, fejn permezz ta’ investiment ta’ Lm70,000 li ġie finanzjat flimkien ma’ l-Unjoni Ewropea (li ħallset 75% taħt il-programm ERDF), ġie mtejjeb il-villaġġ ‘Ta’ Dbiegi’ f’Għawdex, fl-aħħar tat il-frott tagħha meta ġie inawgurat illum mill-Ministru Austin Gatt, il-Ministru Giovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.  

Fil-fatt l-Unjoni Ewropeja qed tiffinanzja €3.5 miljun biex jiġu mtejba s-siti ndustrijali f’Ta Dbieġi, f’Ħal Far u f’Bulebel. Permezz ta’ dan l-investiment ġie mtejjeb l-ispazju mħejji għall-espansjoni tal-faċilità industrijali kif ukoll sar xogħol fuq il-pavimentar, dawl, għamara u kisi tat-toroq.  

Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-fatt li dan hu ċentru tas-snajja’ tradizzjonali jfisser li l-priorità biex jiġi rranġat ma kienitx biss priorita’ industrijali, imma wkoll biex jittejjeb il-prodott turistiku Għawdxi. Dawn l-impriżi huma attrazzjoni turistika u bl-investiment li għamilna, għandu jkun ‘stopping-point’ ovvju għat-‘tours’ madwar Għawdex. 

Huwa semma’ l-importanza ta’ l-artiġġjanat fl-industrija Għawdxija kif ukoll l-importanza li għandha tingħata lill-aspetti oħra ta’ l-industrija f’Għawdex. Fil-fatt il-Ministru Gatt ħabbar li f’dawn l-aħħar ġranet, tlesta x-xogħol marbut ma’ l-espansjoni tal-fabbrika Parmagan. Fil-fatt din il-fabbrika mistennija tkabbar l-ispazju tagħha, liema spazju mistenni jwassal għal żieda ta’ 30 impjieg ma’ din il-kumpanija.  

Huwa ħabbar ukoll li l-Kabinett iddeċieda li l-oqsma tal-Malta Enterprise u l-MIP li jikkonċernaw is-setturi tal-Micro-enterprise (kumpaniji u fabbriki li jħaddmu inqas minn 10 persuni) issa ser jibdew jaqgħu taħt ir-responsabilta tas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u t-tim tiegħu, li tant huwa magħruf għall-enerġija u attenzjoni li jagħti lil dan il-qasam.

Minn naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hija konferma oħra min-naħa tal-Gvern dwar l-impenn tiegħu favur in-negozji żgħar li joperaw fl-artiġjanat f’pajjiżna. Hija saħqet li s-settur ta’ l-artiġjanat għandu potenzjal kbir f’Għawdex u kien għalhekk li l-Gvern investa b’mod dirett fil-bini ta’ l-estensjoni taċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, il-bini ta’ l-ewwel Incubation Centre ta’ l-artiġjanat f’Għawdex, u l-proġett li ġie inawgurat dalgħodu fil-Villaġġ tas-Snajja’ Ta’ Dbieġi. Il-Ministru Giovanna Debono semmiet ukoll it-tikketta ta’ garanzija ta’ ġenwinita’ ta’ prodotti artiġjanali Għawdxin li l-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni nieda iktar kmieni din is-sena, kif ukoll id-diversi korsijiet f’oqsma ta’ l-artiġjanat li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jorganizza, u li għalihom bħalissa qed jattendu 175 persuna filwaqt li 73 ruħ oħra temmew b’suċċess l-ewwel għadd ta’ korsijiet offruti matul is-sena akkademika preċedenti.  

Hija qalet li l-proġett ta’ modernizzar f’Ta’ Dbieġi huwa proġett b’ko-finanzjament addizzjonali għal Għawdex, għaliex il-fondi nvestiti hawnhekk huma apparti dawk l-10% li l-Gvern alloka speċifikament għal Għawdex mill-budget finanzjarju ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2004/2006. Hija temmet tgħid li dan il-proġett fil-villaġġ tas-snajja’ Ta’ Dbieġi ser iħalli mpatt pożittiv fuq il-prodott turistiku ta’ Għawdex bħala destinazzjoni, l-istess kif il-proġetti tal-bini mill-ġdid fit-triq arterjali bejn ir-Rabat u San Lawrenz, kif ukoll il-proġett tar-rijabilitazzjoni tad-Dwejra, li lkoll qed iseħħu fl-istess inħawi tal-gżira, ser ukoll jaffettwaw b’mod pożittiv l-esperjenza turistika f’Għawdex. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hija biss il-bidu. Issa jmiss it-tieni fażi, li fiha ser ikun hemm iktar marketing ta’ dan il-villaġġ, li huwa villaġġ sħiħ iżda differenti, għaliex jilqa’ fih setturi differenti ta’l-artiġjanat.  Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li “din ser tkun l-akbar sfida, li dan il-villaġġ ikun verament villaġġ tal-manifattura ta’ l-artiġjanat.  Il-Gvern huwa mpenjat li jara li permezz tal-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed,il-villaġġ ta’ l-artiġjanat ikun suċċess fil-ħolqien ta’ l-impjiegi u fl-iżvilupp tal-manifattura ta’ l-artiġjanat.  Għalhekk huwa meħtieġ li min ser jaħdem f’dan il-villaġġ, kif ukoll fil-villaġġ ta’ l-artiġjanat ta’ Ta’ Qali, jkun jispeċjalizza fil-manifattura ta’ l-artiġjanat, u ma jaħsibx li jista’ jarma b’ħanut tas-souvenirs.  B’dan il-mod inkunu nistgħu niġbdu aktar nies lejn dawn il-villaġġi, li jsiru għalhekk vetrina tat-talent lokali.” Is-Segretarju Parlamentari Vassallo rrefera wkoll għall-fatt li ser tingħata importanza lis-settur tal-Micro Enterprise u l-ħidma tant meħtieġa biex dan is-settur jiżviluppa. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow