JIĠI INAWGURAT TITJIB LI SEĦĦ FIL-VILLAĠĠ ARTIĠJANALI TA’ TA’ DBIEĠI, F’GĦAWDEX
Il-ħidma li saret mill-Malta Industrial Parks, fejn permezz ta’ investiment ta’ Lm70,000 li ġie finanzjat flimkien ma’ l-Unjoni Ewropea (li ħallset 75% taħt il-programm ERDF), ġie mtejjeb il-villaġġ ‘Ta’ Dbiegi’ f’Għawdex, fl-aħħar tat il-frott tagħha meta ġie inawgurat illum mill-Ministru Austin Gatt, il-Ministru Giovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Fil-fatt l-Unjoni Ewropeja qed tiffinanzja €3.5 miljun biex jiġu mtejba s-siti ndustrijali f’Ta Dbieġi, f’Ħal Far u f’Bulebel. Permezz ta’ dan l-investiment ġie mtejjeb l-ispazju mħejji għall-espansjoni tal-faċilità industrijali kif ukoll sar xogħol fuq il-pavimentar, dawl, għamara u kisi tat-toroq.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-fatt li dan hu ċentru tas-snajja’ tradizzjonali jfisser li l-priorità biex jiġi rranġat ma kienitx biss priorita’ industrijali, imma wkoll biex jittejjeb il-prodott turistiku Għawdxi. Dawn l-impriżi huma attrazzjoni turistika u bl-investiment li għamilna, għandu jkun ‘stopping-point’ ovvju għat-‘tours’ madwar Għawdex.
Huwa semma’ l-importanza ta’ l-artiġġjanat fl-industrija Għawdxija kif ukoll l-importanza li għandha tingħata lill-aspetti oħra ta’ l-industrija f’Għawdex. Fil-fatt il-Ministru Gatt ħabbar li f’dawn l-aħħar ġranet, tlesta x-xogħol marbut ma’ l-espansjoni tal-fabbrika Parmagan. Fil-fatt din il-fabbrika mistennija tkabbar l-ispazju tagħha, liema spazju mistenni jwassal għal żieda ta’ 30 impjieg ma’ din il-kumpanija.
Huwa ħabbar ukoll li l-Kabinett iddeċieda li l-oqsma tal-Malta Enterprise u l-MIP li jikkonċernaw is-setturi tal-Micro-enterprise (kumpaniji u fabbriki li jħaddmu inqas minn 10 persuni) issa ser jibdew jaqgħu taħt ir-responsabilta tas-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u t-tim tiegħu, li tant huwa magħruf għall-enerġija u attenzjoni li jagħti lil dan il-qasam.
Minn naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hija konferma oħra min-naħa tal-Gvern dwar l-impenn tiegħu favur in-negozji żgħar li joperaw fl-artiġjanat f’pajjiżna. Hija saħqet li s-settur ta’ l-artiġjanat għandu potenzjal kbir f’Għawdex u kien għalhekk li l-Gvern investa b’mod dirett fil-bini ta’ l-estensjoni taċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, il-bini ta’ l-ewwel Incubation Centre ta’ l-artiġjanat f’Għawdex, u l-proġett li ġie inawgurat dalgħodu fil-Villaġġ tas-Snajja’ Ta’ Dbieġi. Il-Ministru Giovanna Debono semmiet ukoll it-tikketta ta’ garanzija ta’ ġenwinita’ ta’ prodotti artiġjanali Għawdxin li l-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni nieda iktar kmieni din is-sena, kif ukoll id-diversi korsijiet f’oqsma ta’ l-artiġjanat li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jorganizza, u li għalihom bħalissa qed jattendu 175 persuna filwaqt li 73 ruħ oħra temmew b’suċċess l-ewwel għadd ta’ korsijiet offruti matul is-sena akkademika preċedenti.
Hija qalet li l-proġett ta’ modernizzar f’Ta’ Dbieġi huwa proġett b’ko-finanzjament addizzjonali għal Għawdex, għaliex il-fondi nvestiti hawnhekk huma apparti dawk l-10% li l-Gvern alloka speċifikament għal Għawdex mill-budget finanzjarju ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2004/2006. Hija temmet tgħid li dan il-proġett fil-villaġġ tas-snajja’ Ta’ Dbieġi ser iħalli mpatt pożittiv fuq il-prodott turistiku ta’ Għawdex bħala destinazzjoni, l-istess kif il-proġetti tal-bini mill-ġdid fit-triq arterjali bejn ir-Rabat u San Lawrenz, kif ukoll il-proġett tar-rijabilitazzjoni tad-Dwejra, li lkoll qed iseħħu fl-istess inħawi tal-gżira, ser ukoll jaffettwaw b’mod pożittiv l-esperjenza turistika f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hija biss il-bidu. Issa jmiss it-tieni fażi, li fiha ser ikun hemm iktar marketing ta’ dan il-villaġġ, li huwa villaġġ sħiħ iżda differenti, għaliex jilqa’ fih setturi differenti ta’l-artiġjanat. Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li “din ser tkun l-akbar sfida, li dan il-villaġġ ikun verament villaġġ tal-manifattura ta’ l-artiġjanat. Il-Gvern huwa mpenjat li jara li permezz tal-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed,il-villaġġ ta’ l-artiġjanat ikun suċċess fil-ħolqien ta’ l-impjiegi u fl-iżvilupp tal-manifattura ta’ l-artiġjanat. Għalhekk huwa meħtieġ li min ser jaħdem f’dan il-villaġġ, kif ukoll fil-villaġġ ta’ l-artiġjanat ta’ Ta’ Qali, jkun jispeċjalizza fil-manifattura ta’ l-artiġjanat, u ma jaħsibx li jista’ jarma b’ħanut tas-souvenirs. B’dan il-mod inkunu nistgħu niġbdu aktar nies lejn dawn il-villaġġi, li jsiru għalhekk vetrina tat-talent lokali.” Is-Segretarju Parlamentari Vassallo rrefera wkoll għall-fatt li ser tingħata importanza lis-settur tal-Micro Enterprise u l-ħidma tant meħtieġa biex dan is-settur jiżviluppa.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958