IR-RABA’ LAQGĦA FIS-SENSIELA “IL-MINISTRU FOSTKOM”
It-raba’ laqgħa fis-sensiela “Il-Ministru fostkom” ser issir nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Novembru.
Din id-darba jmiss lin-nies li huma residenti fl-irħula ta’ San Ġwann, l-Imsida, Ta’ Xbiex, il-Ġżira u l-Għargħur. Il-laqgħa ser issir bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofs in-nhar fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann.
F’dawn it-tliet siegħat il-Ministru Cristina ser tiltaqa’ b’mod individwali ma’ numru ta’ nies li jkunu għamlu appuntament mal-Customer Care tal-Ministeru. Min jixtieq jagħmel appuntament għandu jċempel lil Customer Care fuq in-numru 2590-3006 u jħalli ismu w in-numru tal-karta ta’ l-identità. Dak in-nhar tal-laqgħa n-nies jidħlu għall-appuntament mal-Ministru skond min ikun ċempel l-ewwel.
Minħabba li ma jkunx possibbli li l-Ministru Cristina tiltaqa’ personalment ma’ kulħadd, in-nies jistgħu jingħataw appuntament ma’ uffiċjali tal-Customer Care tal-Ministeru li ser jkunu mal-Ministru Cristina dak in-nhar. Jekk xi ħadd jixtieq ikellem lil uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, għandu jispjeċifika dan meta jċempel lil Customer Care biex jiffissa l-appuntament. Min ma jċemplix xorta waħda jista’ jiġi l-Kunsill Lokali u jitniżżel dak il-ħin stess għal appuntament mal-Customer Care aktar tard.
Din hija opportunità fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu mal-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali fil-lokalità tagħhom stess, f’ambjent fejn huma jħossuhom komdi.
Se jsiru laqgħat oħra f’din is-sensiela madwar Malta u Għawdex. Għalhekk in-nies huma mitluba jistennew sakemm il-laqgħa ssir fil-lokalità tagħhom sabiex jiffissaw appuntament.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958