IL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI JWIEĠEB GĦAL STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-ONOR. MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jirreferi għall-istqarrija għall-istampa maħruġa fil-jiem li għaddew mill-Onor. Marie Louise Coleiro Preca dwar iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità, u jixtieq jikkjarifika li fic-Ċentri kollha ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità (l-ATCs) ikun hemm dejjem konsenja ta’ ħrieqi għal dawk il-klijenti li huma inkontinenti.
Madankollu, il-kapijiet tac-Ċentri jitolbu, u mhux jobbligaw, lill-ġenituri tal-klijenti li huma ġeneralment inkontinenti, li jibgħatu magħhom ħrieqi u ħwejjeg nodfa sabiex, f’każ ta’ bżonn, is-support workers ikunu jistgħu jbiddlu lil dawn il-klienti. Huwa għalhekk ta’ sfortuna kbira li xi ħadd jagħti verżjoni mhux eżatta tal-fatti.
Xi ħaġa li żgur ħadd ma jista’ jmeri huwa t-track record pożittiv tal-Gvern preżenti f’dawk li huma servizzi għal persuni b’diżabilità. Fost il-kisbiet prinċipali li għamlu l-persuni b’diżabilità fi żmien il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, tajjeb li wieħed isemmi l-Liġi Opportunitajiet Indaqs tas-sena 2000, it-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità bis-servizzi varji li toffri u t-twaqqif u s-sostenn ta’ Aġenzija SAPPORT, li llum għandha budget ta’ aktar minn Lm2 miljuni. Tajjeb ukoll wieħed isemmi l-avvanzi kbar li saru fil-qasam edukattiv tal-persuni b’diżabilità, u dan mhux biss fl-iskejjel speċjali, iżda wkoll bl-introduzzjoni tal-kunċett ta’ mainstreaming. F’dan il-qasam il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni qed jipproponi biss li jibdel l-Isptar San Luqa f’residenza għall-persuni b’diżabilità!
Għaldaqstant, il-Ministeru jixtieq iserraħ moħħ il-ġenituri li uliedhom jattendu iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità, li ma kien hemm l-ebda bidla f’deċiżjonijiet amministrattivi f’dan ir-rigward; u li l-ħrieqi addizzjonali li jistgħu jiġu bżonnhom minħabba problemi ta’ inkontinenza il-persuni b’diżabilità, li jattendu dawn iċ-Ċentri, se jibqgħu jiġu pprovduti lilhom bla ħlas bħalma dejjem ġara.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958