DOKUMENTI MINN ĦAMES SEKLI DIFFERENTI F’WIRJA F’GĦAWDEX
Il-Ġimgħa ddedikata lill-Arkivju Nazzjonali qed terġa’ tinżamm f’Għawdex f’dawn il-jiem għat-tieni sena konsekuttiva. Għal dan il-għan it-Taqsima t’Għawdex ta’ l-Arkivju Nazzjonali qed torganizza wirja bl-isem ta’ Religious Aspects of Life in Gozo, fejn qed jiġu esibiti madwar tletin dokument u ritratti importanti fl-istorja reliġjuża ta’ Għawdex.
Dawn id-dokumenti, akkwistati minn uħud mill-ħamsa u għoxrin entita’ li jiddepożitaw id-dokumenti tagħhom fl-Arkivju Nazzjonali (Taqsima t’Għawdex), jesponu aspetti differenti mill-istorja u l-wirt reliġjuż f’Għawdex.
L-esibiti, li jvarjaw minn dawk ta’ l-1575 sa l-1965, jinkludu fost l-oħrajn rapport tas-seklu sittax li kien għamel il-viżitatur apostoliku Pietro Dusina li kien ġie appuntat mill-Papa Gregorju XIII bħala Inkwiżitur u Delegat Apostoliku f’Malta; paneġierki ad unur San Ġorġ Martri u l-qaddisin Fakond u Fortunatu; kif ukoll numru ta’ ritratti, meħudin qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, li juru diversi knejjes u parroċċi t’Għawdex.
Fid-diskors tagħha ta’ l-inawgurazzjoni, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li wirjiet bħal dawk inawgurati llum jiffurmaw parti importanti mill-aspetti tal-ħajja kulturali, edukattiva u soċjali f’Għawdex għaliex jgħinu biex jitqajjem iktar għarfien dwar l-istorja tal-gżira minn perspettivi differenti. Il-Ministru Debono qalet li l-Arkivju Nazzjonali (Taqsima t’Għawdex) għandu rwol importanti, imsaħħa iktar u iktar bil-liġi ġdida mgħoddija fil-Parlament fl-2005. Il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jiddedika fondi lil din it-taqsima u li mil-lum, ser ikun qed jinkludi iktar informazzjoni dwar din it-taqsima fuq is-sit uffiċċjali tal-Ministeru għal Għawdex www.gozo.gov.mt.
Is-Sur Charles J Farrugia, Arkivista Nazzjonali u s-Sur George Borg, uffiċjal inkarigat mil-Libreriji Pubbliċi t’Għawdex attendew l-inawgurazzjoni tal-wirja.
Il-Ġimgħa ddedikata lill-Arkivju Nazzjonali tiġi fi tmiemha nhar is-Sibt 18 ta’ Novembru. Il-wirja, Religious Aspects of Life in Gozo tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-Ħamis 30 ta’ Novembru, bejn it-Tnejn u s-Sibt (mis-7.30am sas-1.00pm) u nhar ta’ Erbgħa (sas-6.00pm).
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958