Left arrow Mur Lura

SEMINAR MILL-FONDAZZJONI GĦAL SERVIZZI EDUKATTIVI DWAR IS-SISTEMA TA’ L-ISTREAMING U L-EŻAMI TAL-JUNIOR LYCEUM

PR1561
Date Icon 16/11/2006

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni tipprovdi firxa ta’ servizzi edukattivi għal familji, skejjel u kulleġġi, u għal komunitajiet.  Il-Fondazzjoni taħdem ukoll fil-qasam tat-tisħiħ tas-sehem tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, tagħhom infushom u fil-ħajja skolastika.

L-FES organizzat seminar biex tniedi l-ktieb “Transition from Primary to Secondary in Malta: Time to break the mould?” miktub għall-FES minn Dr Grace Grima u Dr Josette Farrugia.  Dan il-ktieb qed jiġi ppublikat bi sħab bejn l-FES u l-Allied Publications Ltd.; u huwa l-ewwel wieħed fis-serje ta’ publikazzjonijiet edukattivi ta’ l-FES, imsejħa ‘Families and Schools’. 

Din il-pubblikazzjoni tagħti ħarsa analitika lejn ir-riċerka li saret f’Malta f’dawn l-aħħar għoxrin sena dwar is-sistema ta’ l-istreaming fl-aħħar sentejn ta’ l-iskejjel primarji u dwar l-eżami tal-Junior Lyceum.  L-awturi analizzaw il-mod li bih l-eżamijiet fl-aħħar tar-raba’ u tal-ħames sena tal-primarja kif ukoll l-eżami tal-Junior Lyceum qed jintużaw primarjament biex l-istudenti jintgħażlu minn xulxin skond ir-riżultati li jġibu. 

Mistoqsija komuni li ġiet diskuss hija jekk l-eżamijiet għandhomx ikollhom il-funzjoni aktar importanti li jassessjaw b’mod differenti x’ikunu tgħallmu l-istudenti, mingħajr rabta ma’ sistemi ta’ firda bejn student u ieħor skond is-suċċess fl-eżami. Qamet ukoll il-mistoqsija jekk l-eżami ta’ l-aħħar tas-sena waħdu hux biżżejjed biex ikejjel it-tagħlim li jseħħ matul is-sena skolastika kollha. 

L-awturi stess qajmu mistoqsijiet dwar il-fatt li studenti li fil-ħames sena jsibu ruħhom fil-aħħar klassijiet, għandhom it-tendenza li jibqgħu fl-aħħar skaluni tas-sistema edukattiva sakemm joħorgu mis-sistema ta’ l-edukazzjoni obbligatorja.  Dan ipoġġi dubju fuq il-fehma ta’ ħafna mill-għalliema, li jsostnuha wkoll il-maġġoranza tal-ġenituri, illi jekk l-istudenti jiġu mifruda skond il-prestazzjoni tagħhom fl-eżami ta’ l-aħħar tas-sena, allura jkunu jistgħu jitgħallmu aħjar.  L-awturi jsemmu wkoll l-effetti ħżiena li jħalli l-istress ta’ l-eżamijiet fuq l-istudenti, minħabba l-biża’ li jekk imorru ħażin se jsibu ruħhom fi klassijiet jew fi skejjel li jġorru magħhom konnotazzjoni ta’ falliment.  Fattur ieħor interessanti li jiffukkaw fuqu l-awturi huwa l-esperjenza ta’ tranżizzjoni li jgħaddu minnha t-tfal bejn il-livell primarju u sekondarju.

L-awturi jsostnu l-argumenti tagħhom billi għamlu studju komparattiv li fih iqabblu s-sistema edukattiva Maltija ma’ dik ta’ 32 pajjiż ieħor.  Fl-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi fost l-aktar żviluppati fid-dinja ma tintuża sistema fejn l-istudenti jintgħażlu minn xulxin fl-eta’ ta’ 9 snin bħal ma jsir f’Malta.  Fl-Irlanda ta’ fuq, s’issa kien isir eżami fl-eta’ ta’ 11-sena li min jgħaddi minnu jkun jista’ jmur fi skejjel differenti.  Imma anke f’dan il-pajjiż din is-sistema se tiġi abbandunata.  Ir-raġunijiet huma li f’dan il-pajjiż qed iqumu dubji serji dwar kemm eżami wieħed fl-eta’ relativament żgħira ta’ 11-il sena għandu jiddetermina r-rotta akkademika ta’ kull student. 

L-awturi jargumentaw ukoll li f’pajjiżi fejn l-istudenti jiġu magħżula f’eta’ żgħira, hemm it-tendenza li l-aħjar riżorsi u l-akbar investimenti jgawdu minnhom dawk l-istudenti li l-aktar iħossuhom komdi fis-sistema.  Mill-banda l-oħra dawk il-pajjiżi fejn isir sforz biex ir-riżorsi u l-investimenti jgawdi minnhom kulħadd mingħajr il-bżonn ta’ segregazzjoni, il-pajjiż igawdi minn popolazzjoni li hija aktar edukata u mħarrġa u li tkun f’qagħda li tikkontribwixxi fil-ħolqien tal-ġid fil-pajjiż.

L-awturi, bħal ma jindika t-titlu tal-ktieb, jistaqsu jekk wasalx iż-żmien li nirkbu l-biżgħa li ninqatgħu mit-tradizzjoni u nersqu lejn sistema edukattiva aktar ġusta u effettiva li biha verament ikunu jistgħu jirnexxu l-istudenti kollha.

Is-seminar ġie indirizzat minn  Nora Macelli, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES); Dr. Carmel Borg, Dekan tal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta; Micheline Sciberras, Direttur, Policy, Development and Programme Implementation fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjon; u mill-awturi tal-ktieb Dr Grace Grima u Dr Josette Farrugia.

L-ideat li ħarġu mill-workshops għall-parteċipanti se jkunu kkunsidrati mill-Kumitat mwaqqaf mill-Ministru Louis Galea biex jistudja fil-fond il-kwistjonijiet ta’ l-istreaming, rotot akkademiċi fis-sistema edukattiva, kif ukoll il-proċess tal-passaġġ mill-primarja għas-sekondarja fis-sistema edukattiva Maltija.  Huwa ttamat li d-djalogu jkompli u li permezz tiegħu jinstabu alternattivi aktar ġusti u effettivi għas-sistemi ta’ bħalissa, alternattivi li jkunu jistgħu jinkwadraw ruħhom fir-riforma li għaddejja bħalissa u li tolqot b’mod dirett il-qafas tas-sistema edukattiva f’Malta.

F’kummenti  li ta, il-Ministru Louis Galea qal li dan id-dokument se jkun parti mportanti mill-analiżi li qed issir dwar l-eżamijiet li jsiru fl-età ta’ ħdax-il sena (11+ exams).  Il-Ministru qal li fid-dokument “Biex Uliedna Jirnexxu Ilkoll” dwar ir-riforma edukattiva il-Gvern iddeċieda li sakemm l-edukaturi jsibu sistema aħjar u li jkollha l-fiduċja tal-poplu Malti, l-eżami tal-Junior Lyceum ma jitneħħiex.  Hu qal li madankollhu fir-riforma diġà beda l-process biex jonqsu l-iskossi meta l-istudenti jgħaddu mil-livell primarju għal dak sekondarju.

Ir-riorganizazzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi fejn l-istudenti tas-Sekondarja u tal-Junior Lyceum ikunu fl-istess bini toffri possibilitajiet ġodda ta’ kif l-għalliema jistgħu jgħinu lill-istudenti jilħqu l-milja tagħhom billi jmexxuhom il-quddiem fis-suġġetti li fihom ikunu sodi u jappoġġjawhom b‘mod effettiv  fejn ikunu batuti. 

Il-Ministru Louis Galea qal li fl-ewwel sena ta’ prova fit-tlett Kulleġġi kien hemm diversi esperjenzi pożittivi fosthom transizzjoni aktar ppjanata u tfal aktar infurmati dwar il-livell sekondarju, programmi edukattivi żviluppati skond il-potenzjal tat-tfal u bi flessibiltà ta’ ċaqlieq minn livell għall-ieħor meta jsir progress, u serħan tal-moħħ tal-ġenituri li jafu fejn se jibdew skola uliedhom fl-età ta’ tlett snin u fejn se jispiċċaw fl-età ta’ 16. 

“Studji bħal dawn huma mportanti għax jagħtu kontribut siewi għar-riflessjoni, l-analiżi u d-diskussjoni serja li biż-żmien twassal għall-iżvilupp aktar approfondit tal-ħsieb li jwassal għall-azzjoni għaqlija, ” temm jgħid il-Ministru Galea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow