IL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI JWIEĠEB DWAR L-AMALGAMAZZJONI FIS-SETTUR TA’ L-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI
B’reazzjoni għall-istqarrija li ħarġu d-deputati Stefan Buontempo u Karl Chircop rigward l-amalgamazzjoni fis-settur ta’ l-akkomodazzjoni soċjali, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq jagħmel dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin:
1. Huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jinnota li minkejja l-ħafna kritika li saret fil-passat rigward dan is-suġġett, issa l-Oppożizzjoni qiegħda tfaħħar u taqbel mal-Gvern li dan il-pass huwa “wieħed tajjeb”.
2. Fl-istqarrija tagħhom, id-deputati Buontempo u Chircop donnhom qed jistgħaġbu li dan il-proċess inbeda sitt snin ilu. Bħala kelliema ewlenin ta’ l-Oppożizzjoni, żgur li jafu li proġett ta’ amalgamazzjoni bħal dan jirrikjedi ħafna preparazzjoni u l-amalgamazzjoni fiha nnifisha hija biss l-aħħar pass f’dan il-proċess li jitlob ħafna xogħol.
3. L-allegazzjoni taż-żewġ deputati li l-ħaddiema tħallew fid-dlam dwar il-futur tagħhom hija falza. Il-ħaddiema taż-żewġ dipartimenti nvolvuti diġà tlaqqgħu mill-uffiċjali għolja tagħhom biex jiġi spjegat lilhom il-proċess ta’ l-amalgamazzjoni u x’effett dan ser ikollu fuq il-ħaddiema. Barra minn hekk, il-Management and Personnel Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru diġà beda jinforma l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema nvoluti f’hiex jikkonsisti dan il-proċess. Bħalma jiġri fi tranżizzjoni bħal din, kemm il-ħaddiema, kif ukoll il-unions, diġà ġew assigurati li filwaqt li l-ħaddiema kollha se jiġu deployed temporanjament ma’ l-Awtorità, se jibqgħu jżommu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet kollha eżistenti sakemm tiġi fis-seħħ leġislazzjoni relevanti li, fost ħwejjeg oħra, tkun tirregola l-istatus u d-drittijiet ta’ uffiċjali pubbliċi mqabbdin fuq xogħol (detailed) ma’ din l-entità pubblika, kif jipprovdu liġijiet eżistenti oħra dwar it-twaqqif ta’ entitajiet ġodda.
4. Rigward propjetajiet residenzjali li huma proprjetà tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet jew tal-Joint Office, digà qiegħdin isiru diskussjonijiet sabiex tiġi emendata l-leġislazzjoni relevanti sabiex it-titlu ta’ dawn ir-residenzi jgħaddi f’idejn l-entità l-ġdida wkoll.
5. Fl-aħħarnett, jidher li d-deputati Buontempo u Chircop mhumiex infurmati tajjeb f’dak li jirrigwarda l-politika tad-Dipartiment rigward djar privati rekwiżizzjonati. Kif ħabbret diversi drabi l-Ministru Cristina fil-Parlament, minn madwar sena w nofs ilu meta dawn id-djar jiġu battala qed titneħħa l-Ordni ta’ Rekwiżizzjoni u d-djar jiġu rritornati lura immedjatament lis-sidien tagħhom. Barra minnhekk, għal numru ta’ snin, id-Dipartiment ilu għaddej b’eżerċizzju ta’ tneħħija ta’ l-Ordni ta’ Rekwiżizzjoni f’każi li dan ma jaffetwax b’mod negattiv lill-inkwilini li jkunu qed jgħixu f’dawn il-postijiet. Għaldaqstant, l-allokazzjoni ta’ djar privati minn dipartiment jew entità pubblika hija diġà xi ħaġa tal-passat. Tajjeb li wieħed jgħid li filwaqt li l-Gvern tal-ġurnata kien wera kuraġġ politiku kbir meta fl-1995 kien neħħa l-Liġi li tirregola l-Ordni tar-Rekwiżizzjoni, minkejja diversi talbiet lill-Partit ta’ l-Oppożizzjoni sabiex jiddikjara jekk jerġax iddaħħal din il-liġi jekk ikun hu fil-gvern, għadu ma ta l-ebda dikjarazzjoni simili.
Finalment tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni għal fatt li ħafna mill-informazzjoni pprovduta hawn fuq hija diġà waħda pubblika peress li l-Ministru Cristina diġà wieġbet numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari rigward dan is-suġġett, li l-maġġoranza tagħhom għamilhom l-istess Onorevoli Buontempo.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958