Left arrow Mur Lura

“IL-GVERN GĦADDEJ BIL-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI MAS-SETTURI TAN-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR PERMEZZ TAS-SEGRETARJAT GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED.” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR1551
Date Icon 16/11/2006

“L-informazzjoni hi l-aktar għodda importanti għall-imprendituri tagħna.  Is-sidien tan-negozji ħafna drabi, minħabba l-pass mgħaġġel tan-negozju, ma jsibux ħin biex jattendu laqgħat, iżda jridu jibdew isibu l-ħin biex jinfurmaw ruħhom dwar dak li jkun qiegħed iseħħ fis-settur kummerċjali.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-SelfEmployed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw setturi differenti tan-negozju.

Fuq l-aġenda tal-laqgħa kienu bosta s-suġġetti li jolqtu mill-qrib lin-negozji ż-żgħar.  Fost l-għaqdiet tan-negozju preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-GRTU, MFMO (furniture manufacturers), MPIA (printers), APEX u KOLS (koperattivi), MABT (beauticians), Photographers’ Association, MHRA, FOI, MIM u MEA.   

Dawn l-għaqdiet bejniethom jirrappreżentaw madwar 9,000 membru, bejn persuni individwali u kumpaniji.  Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm rappreżentanti mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, mill-Malta Enterprise u mid-Diviżjoni għall-Kummerċ, kif ukoll rappreżentant mill-NECC. 

David Stellini, mill-NECC, ta informazzjoni fil-qosor dwar kif ser jiġi affettwat is-settur kummerċjali bil-bdil għall-ewro.  Hu saħaq fuq il-fatt li n-negozjanti mhux ser jgħollu l-prezzijiet tagħhom sempliċement għax ser naqilbu għall-ewro.  Ir-rappreżentant ta’ l-NECC spjega kif waqt laqgħat li qiegħed jattendi, li huma organizzati mis-Segretarjat, qiegħed jiltaqa’ direttament mas-settur kummerċjali u qiegħed jifhem dejjem aktar kemm hu importanti li l-imprendituri jżommu ruħhom aġġornati.  Is-settur kummerċjali għandu jkun informat tajjeb dwar il-bidliet li qegħdin iseħħu.  David Stellini qal li hemm ħafna x’wieħed ikun jaf dwar il-bidla għall-ewro, iżda hemm ftit li jrid isir.   

Kemm is-Segretarju Parlamentari kif ukoll ir-rappreżentant mill-NECC esprimew id-disponibilita’ tagħhom u qalu li ser ikunu qegħdin jorganizzaw aktar laqgħat għas-settur tas-self employed. 

Waqt il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellem ukoll dwar l-etika fix-xogħol, u dwar l-ħtieġa li kull għaqda li tirrappreżenta settur differenti ta’ negozju tagħti importanza lill-kodiċi ta’ l-etika li ‘l quddiem ikun jista’ jwassal lejn aktar għarfien ta’ l-importanza ta’ Responsabbilta’ Soċjali ta’ l-Intrapriżi (CSR).  L-Onor. Vassallo qal ukoll li “huwa importanti li s-self employed u s-sidien tan-negozji żgħar jagħmlu parti minn organiżazzjoni, għax b’hekk ikunu jistgħu mhux biss jagħtu sehmhom, iżda wkoll jirċievu informazzjoni dwar dak li jkun qiegħed iseħħ fis-suq.  Ma jistax ikun li n-negozjanti tagħna joperaw qishom id-dinja ta’ madwarhom ma teżistix.  Li tkun informat huwa importanti mhux biss għall-bidla għall-ewro, iżda f’kull ħaġa li taffettwa lin-negozju.” 

Waqt il-laqgħa ġew diskussi wkoll punti li kienu tqajjmu fil-konferenza annwali organizzata mis-Segretarjat Parlamentari, u l-Onor. Vassallo spjega kif il-kummenti li ngħataw waqt il-workshops li saru f’din il-konferenza ma ntesewx, u s-Segretarjat għaddej f’ħidma biex jitwettqu s-suġġerimenti li ġew imressqa. 

Fit-tmiem tal-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo irringrazzja lil dawk kollha preżenti tal-ħidma tagħhom mas-self employed, u saħaq li l-ħidma tas-Segretarjat ser tkun qiegħda tkompli biex ix-xogħol tas-settur tan-negozji żgħar f’pajjiżna dejjem ikun aktar faċilitat.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow