Left arrow Mur Lura

RESTAWR TAL-KAPPELLA TA’ SAN MIKIEL U L-KAPPELLA TA’ SAN BAŻLJU, MQABBA

PR1550
Date Icon 15/11/2006

Lista twila ta’ proġetti ta’ restawr fuq numri ta’ kappelli u binjiet storiċi


F’pajjiżna jeżistu binjiet storiċi mibnija fuq stil ta’ arkitettura speċjalizzata li grazzi għar-restawr u l-interventi li qed isirilhom qed joħroġ il-valur arkitettoniku u storiku li jottjenu.  Dawn il-ġojjelli qed ikomplu jżejnu pajjiżna u qed iżidu fil-kontribut akbar tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.  Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq il-Kappelli ta’ San Mikiel u San Bażilju, fl-Imqabba.   

Il-Kappella ta’ San Bażilju hija kappella medjevali li bdiet tinbena fis-sena 1486, u li tinsab fil-qalba tal-parroċċa ta’ l-Imqabba.  Mill-istruttura tagħha jidher ċar li din il-kappella kienet mkabbra tliet darbiet.  Fost fatturi oħra, elementi li jixhdu l-importanza ta’ din il-kappella medjevali jinkludu l-arkati ppuntati fuq ġewwa tal-kappella u anki l-bieb prinċipali li għandu l-istess stil ta’arkata.  Fuq il-bieb prinċipali nsibu tieqa żgħira u tonda (rose window) maqsuma f’sitt kustilji tal-ġebel, li tkompli tagħti interess arkitettoniku lill- faċċata. 

Biswit din il-kappella hemm oħra iżgħar iddedikata lil San Mikiel, li tidher li nbniet f’perjodu aktar tard, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm sagristija antika li wkoll hija storikament importanti.  Tgħaqqad dan il-kumpless hemm bitħa komuni li tkompli ssebbaħ l-ambjent ta’ dawn il-kappelli. 

Il-Ministru spjega li qed isir xogħol ta’ restawr fuq barra tal-kappelli kif ukoll fuq ġewwa ta’ dan il-kumpless.  Ix-xogħol ser jinkludi restawr u tindif tal-faċċati tal-kappelli, tas-sagristija u tal-ħajt li jdawwar il-kumpless.  L-istatwa ta’ San Mikiel u n-niċċa wkoll ser ikunu nklużi f’dan ir-restawr.  Ġie msewwi wkoll il-bejt tal-kappelli bis-sistema oriġinali tad-deffun, u l-aperturi ta’ l-injam ta’ dawn il-binjiet ser ikunu restawrati wkoll.  Wara li jsir ir-restawr meħtieġ ser tinbidel ukoll iċ-ċangatura taz-zuntier u ssir sistema ta’ illuminazzjoni. 

Xogħlijiet fuq ġewwa ser jinkludu restawr ta’ żebgħa oriġinali u tneħħija ta’ materjal minn fuq ċertu partijiet tal-kappella.  Wara dan ix-xogħol ser issir ukoll sistema ġdida ta’ dawl interna. 

Il-Ministru Ninu Zammit tenna li t-taqsima tar-restawr ma twettaqx biss restawr fuq kappelli u binjiet storiċi f’pajjiżna iżda tagħmel ukoll xogħol tar-restawr fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet.  Hawnhekk hu rrefera għal proġett ta’ restawr li qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern għall-finanzjament konġunt bejn fondi Nazzjonali u dawk mill-Unjoni Ewropea.  Hu qal li fil-preżent għaddejjin l-istudji neċessarji u qed jiġu ppreparati l-offerti ħalli hekk kif ikun hemm qbil fuq id-dettal tal-proġetti, ikunu jistgħu jinħarġu l-offerti biex eventwalment jibda x-xogħol tar-restawr, fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet fil-Kottonera, l-Imdina, l-Belt Valletta u ċ-Ċittadella f’Għawdex. 

Fl-aħħarnett il-Ministru stqarr li dan ix-xogħol qed isir u ser ikompli jsir fix-xhur li ġejjin għaliex filwaqt li l-politika tal-Gvern bil-fatti turi l-impenn favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, il-professjonisti flimkien mal-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru qed jagħtu s-sehem tagħhom sabiex id-dehra ta’ pajjiżna titjieb fuq l-ogħla livelli possibbli. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow