RESTAWR TAL-KAPPELLA TA’ SAN MIKIEL U L-KAPPELLA TA’ SAN BAŻLJU, MQABBA
Lista twila ta’ proġetti ta’ restawr fuq numri ta’ kappelli u binjiet storiċi
F’pajjiżna jeżistu binjiet storiċi mibnija fuq stil ta’ arkitettura speċjalizzata li grazzi għar-restawr u l-interventi li qed isirilhom qed joħroġ il-valur arkitettoniku u storiku li jottjenu. Dawn il-ġojjelli qed ikomplu jżejnu pajjiżna u qed iżidu fil-kontribut akbar tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq il-Kappelli ta’ San Mikiel u San Bażilju, fl-Imqabba.
Il-Kappella ta’ San Bażilju hija kappella medjevali li bdiet tinbena fis-sena 1486, u li tinsab fil-qalba tal-parroċċa ta’ l-Imqabba. Mill-istruttura tagħha jidher ċar li din il-kappella kienet mkabbra tliet darbiet. Fost fatturi oħra, elementi li jixhdu l-importanza ta’ din il-kappella medjevali jinkludu l-arkati ppuntati fuq ġewwa tal-kappella u anki l-bieb prinċipali li għandu l-istess stil ta’arkata. Fuq il-bieb prinċipali nsibu tieqa żgħira u tonda (rose window) maqsuma f’sitt kustilji tal-ġebel, li tkompli tagħti interess arkitettoniku lill- faċċata.
Biswit din il-kappella hemm oħra iżgħar iddedikata lil San Mikiel, li tidher li nbniet f’perjodu aktar tard, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm sagristija antika li wkoll hija storikament importanti. Tgħaqqad dan il-kumpless hemm bitħa komuni li tkompli ssebbaħ l-ambjent ta’ dawn il-kappelli.
Il-Ministru spjega li qed isir xogħol ta’ restawr fuq barra tal-kappelli kif ukoll fuq ġewwa ta’ dan il-kumpless. Ix-xogħol ser jinkludi restawr u tindif tal-faċċati tal-kappelli, tas-sagristija u tal-ħajt li jdawwar il-kumpless. L-istatwa ta’ San Mikiel u n-niċċa wkoll ser ikunu nklużi f’dan ir-restawr. Ġie msewwi wkoll il-bejt tal-kappelli bis-sistema oriġinali tad-deffun, u l-aperturi ta’ l-injam ta’ dawn il-binjiet ser ikunu restawrati wkoll. Wara li jsir ir-restawr meħtieġ ser tinbidel ukoll iċ-ċangatura taz-zuntier u ssir sistema ta’ illuminazzjoni.
Xogħlijiet fuq ġewwa ser jinkludu restawr ta’ żebgħa oriġinali u tneħħija ta’ materjal minn fuq ċertu partijiet tal-kappella. Wara dan ix-xogħol ser issir ukoll sistema ġdida ta’ dawl interna.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li t-taqsima tar-restawr ma twettaqx biss restawr fuq kappelli u binjiet storiċi f’pajjiżna iżda tagħmel ukoll xogħol tar-restawr fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet. Hawnhekk hu rrefera għal proġett ta’ restawr li qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern għall-finanzjament konġunt bejn fondi Nazzjonali u dawk mill-Unjoni Ewropea. Hu qal li fil-preżent għaddejjin l-istudji neċessarji u qed jiġu ppreparati l-offerti ħalli hekk kif ikun hemm qbil fuq id-dettal tal-proġetti, ikunu jistgħu jinħarġu l-offerti biex eventwalment jibda x-xogħol tar-restawr, fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet fil-Kottonera, l-Imdina, l-Belt Valletta u ċ-Ċittadella f’Għawdex.
Fl-aħħarnett il-Ministru stqarr li dan ix-xogħol qed isir u ser ikompli jsir fix-xhur li ġejjin għaliex filwaqt li l-politika tal-Gvern bil-fatti turi l-impenn favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, il-professjonisti flimkien mal-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru qed jagħtu s-sehem tagħhom sabiex id-dehra ta’ pajjiżna titjieb fuq l-ogħla livelli possibbli.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958