Left arrow Go Back

IL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI JIRRIBATTI AKKUZI TA’ L-OPPOZIZZJONI DWAR IT-TWETTIQ TAL-KURRIKULU NAZZJONALI

PR1538
Date Icon 11/11/2006

Il-Kelliem Ewlieni tal-Oppozizzjoni għall-Eedukazzjoni, l-Onor. Carmelo Abela, akkuża lill-Gvern bħala “arroganti u tal-mistħija”; u dan għaliex il-Ministru Louis Galea, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, talab lill-Oppożizzjoni tippubblika d-dokument li fuqu qed tibbaza allegazzjoni li ilha tagħmel għal dawn l-aħħar sentejn, u li qatt ma kienet issostanzjata, dwar it-twettiq tal-kurrikulu Nazzjonali.  Li hu verament tal-mistħija huwa li tuża figuri bla bażi u tibqa` tirrepetihom bit-tama li dawn isiru verità f’moħħ dawk li jkunu qed jisimgħuk. 

Bħal ma għamel f’ħafna okkażjonijiet oħrajn, il-Partit Laburista qabad figura li kienet irriferit għaliha l-MUT fit-22 ta’Ottubru ta’ l-2004, aktar minn sentejn ilu,  f’laqgħa li din kellha mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant.  F’din l-okkazjoni l-MUT semmiet li 80% tal-Kurrikulu Nazzjonali ma kienx twettaq.  Il-Gvern mill-ewwel ikkontesta din il-figura fi stqarrija pubblika l-għada stess, fit-23 ta’ Ottubru 2004.  Minn dak in-nhar ‘l hawn il-Ministru Galea, fil-Parlament u barra, insista li min għandu xi dokument li jissostanzja din l-allegazzjoni għandu jippubblikah. 

Fil-fatt l-MUT ma komplietx tirreferi għal din il-figura, għalkemm fi stqarrija fit-25 ta’ Ottubru 2004 wrew biċ-ċar li din il-figura ma kienetx ibbażata fuq xi studju miktub.  

Minkejja dan, l-MLP ħa din il-figura qisha vanġelu u baqa` jirrepetiha kemm-il darba għal dawn l-aħħar sentejn, tant li beda jemmen din l-invenzjoni hu stess u għamel l-allegazzjoni bħala tiegħu.  Hu nġust li issa l-Onor Carmelo Abela jgħid li hu qed jirreferi biss għal dak li qalet l-MUT meta kien il-Partit Laburista u l-mexxej tiegħu li għal sentejn sħaħ, użaw din il-figura bla bażi b’mod partiġġjan. 

Il-Gvern dejjem wera li f’dan is-settur filwaqt li jagħti direzzjoni ibbażata fuq l-opinjonijiet infurmati ta’ l-esperti, dejjem fittex kunsens wiesgħa ibbażat fuq konsultazzjoni mifruxa.  Li kieku l-Oppozizzjoni Laburista  trid verament turi li mhix qed tkun partiġġjana f’dan il-qasam, għandha tieqaf tuża figuri żbaljati jew bla bażi, u tieqaf tpinġi kollox iswed fl-edukazzjoni, kif partikolarment iħobb jagħmel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, u jibda jipparteċipa b’mod sħiħ fil-konsultazzjonijiet li jsiru f’dan il-qasam.  

Tajjeb wieħed jinnota li filwaqt li l-Gvern ippublika seba’ dokumenti fuq oqsma ewlenin ta’ l-edukazzjoni, l-Oppożizzjoni qatt ma tat ir-reazzjoni tagħha ħlief meta darba l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni sejjaħ ir-riforma fil-qasam edukattiv, inkluż is-sistema tal-kulleġġi, velenu. 

Jekk xi ħadd irid prova oħra ta’ kemm il-Partit Laburista fl-Oppozizzjoni qed ikun partiġġjan f’dan il-qasam kull ma jrid jagħmel hu li jsegwi b’mod regolari l-aħbarijiet ta’ l-istazzjon tal-Partit Laburista, li qed iċaħħad kontinwament lis-semmiegħa tiegħu milli jkunu jafu x’qed jiġri fil-qasam edukattiv, u joffrilhom biss stampa negattiva. 

Il-Gvern qed jaħdem bla heda f’dan is-settur u dan jafu l-poplu Malti li dejjem gawda titjib sostanzjali fl-edukazzjoni taħt dan il-Gvern. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow