FKIEREN TAL-BAĦAR MITLUQA FL-AMBJENT NATURALI TAGĦHOM WARA LI ĠEW IRRIABILITATI
It-Taqsima tas-Sajd u l-Akwakultura ħelset 11-il fekruna tal-baħar fl-ambjent naturali tagħhom wara li dawn ġew riabilitati fit-Torri ta’ San Luċjan.
Ir-riabilitazzjoni tal-fkieren hija parti mill-programm ikkoordinat miċ-Ċentru biex jirriabilita fkieren tal-baħar li jkunu nstabu feruti, ġeneralment waqt is-sajd għat-tonn jew il-pixxixpad, li jkunu ntlaqtu aċċidentalment minn xi dgħajjes jew ġew ikkontaminati minn żejt jew qatran fl-ibħra madwar Malta. Basktijiet tal-plastik li l-fkieren ġieli jieklu minħabba li jaħsbuhom ikel ukoll jikkawżawlhom ħsara kbira bil-konsegwenza li kultant jispiċċaw imutu fgati jew b’sadd fl-imsaren.
Il-fkieren tal-baħar huma protetti mil-liġi minħabba li l-eżistenza tagħhom qiegħda dejjem tonqos, għaldaqstant wieħed ma jistax jistad għalihom jew jaqbadhom għall-ikel, jew iżommhom jew jagħmel negozju minnhom.
“Il-ħarsien tan-natura u l-ambjent huwa obbligu morali għalina lkoll, kemm bħala awtorità, billi nipprovdu l-istrumenti legali kollha biex inħarsu speċi ta’ importanza partikolari u l-faċilitajiet biex tingħatalhom l-għajnuna fejn ikun hemm bżonn, kif ukoll bħala ċittadini li naraw li l-attivitajiet tagħna jkunu sostenibbli u nkunu disponibbli li nressqu għall-għajnuna dawk il-kreaturi li jkollhom bżonnha,” qal il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino li flimkien ma’ tfal ta’ l-iskejjel, kien preżenti meta għadd ta’ fkieren tħallew imorru lura fil-baħar minn fuq il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent waqqaf iċ-Ċentru għar-Riabilitazzjoni tal-Fkieren tal-Baħar fis-sena 2000 wara li ġie miftiehem protokoll internazzjonali għall-ħarsien tal-fkieren tal-baħar, li Malta hija parti minnu.
Kull fekruna li tinġieb fiċ-Ċenru tiġi eżaminata biex jiġi stabbilit x’tip ta’ ġrieħi qed issofri minnhom u xi ħtiġijiet mediċi għandha bzonn. Wara jitteħdilha ritratt u tingħata numru ta’ identifikazzjoni. Dawk li jkunu belgħu xi sunnara jitteħdilhom X-Ray biex tiġi identifikata l-pożizzjoni tas-sunnara u fejn ikun possibbli isir intervent kirurġiku biex titneħħa. Anki dawk il-fkieren li jinġiebu l-art mejta jew li jmutu waqt it-trattament isirulhom l-eżamijiet kollha meħtieġa biex tiġi ddeterminata l-kawża tal-mewt tagħhom. L-istorja medika ta’ kull fekruna hija rreġistrata u qabel ma jintelqu lura fil-baħar, il-fkieren jiġu mmarkati u ċċertifikati li jkunu f’kundizzjoni tajba minn kirurgu veterinarju kkwalifikat.
Fl-2002, iċ-ċentru ħeles disat (9) ifkieren lura fl-ambjent. Fl-2004, inħelsu 18, fl-2005 kien hemm 7 u din is-sena 11. B’kollox fl-aħħar erba’ snin 45 fekruna tfejjqu u nħelsu lura fl-ambjent naturali tagħhom miċ-Ċentru fit-Torri ta’ San Luċjan. Il-fkieren għandhom bejn 7 u 20 sena u l-piż tagħhom ivarja minn 10 sa kważi 50 kilo. Il-perjodu ta’ riabilitazzjoni jvarja skond il-ħtiġijiet mediċi tal-fkieren. Il-fekruna li l-iktar li damet għar-riabilitazzjoni f’dan il-grupp hija Ġiġi li kienet ilha t-Torri ta’ San Luċjan għal dawn l-aħħar tliet snin.
Il-fkieren jistgħu jinġiebu għall-għajnuna mis-sajjieda, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, l-NGOs u l-pubbliku in ġenerali.
Kull min isib xi fekruna tal-baħar li tkun teħtieġ l-għajnuna jista’ joħodha ċ-ċentru 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. In-numru tat-telefon huwa 21 658863, 21 655525 u 2229 3300.
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent tal-MEPA wkoll għandu servizz ta’ emerġenza biex jgħin lill-pubbliku jittrasferixxi fkieren tal-baħar feruti fit-Torri ta’ San Luċjan. Is-servizz jingħata permezz tal-Freephone 8007 2210.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958