DISKORS MILL-ONOR TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI WAQT IT-TNEDIJA TA’ SERVIZZI GODDA ONLINE MID-DEPARTMENT TAL-CAPITAL TRANSFER DUTY – SAN ĠILJAN - 10 TA’ NOVEMBRU 2006
Matul dawn l-aħħar erba' snin id-Dipartiment tat-Taxxi Interni niedha diversi riformi biex ikun aktar effiċjenti u jaghti servizz aħjar lill-pubbliku u l-intraprizi. F'dawn ir-riformi, id-Dipartiment mexa maż-żminijiet u beda proċess biex dawk li jirrappreżentaw lit-taxpayers f’pajjizna permezz tal-uzu ta’ l-informatika jkunu jistgħu jiġbru l-informazzjoni meħtiega, iwettqu ħlasijiet u jagħmlu xogħol relatat ieħor mill-Uffiċċji tagħhom.
Żewg inizjattivi ta' suċċess f'dan il-qasam kienu s-servizzi fuq l-Internet offruti lit-Tax Practitioners u l-Employers, biex il-formoli li huma jissottomettu f'isem il-klijenti u l-impjegati tagħhom, jagħmluh mill-uffiċċju tagħhom, minn fuq sistemi li jaħdmu permezz ta’ l-Internet b'mod sikur u effiċjenti. Dawn is-sistemi huma disinjati biex jirrispondu rigward żbalji u nkorrettezzi oħra mill-ewwel u jagħtu l-vantaġġ li jkollok riċevuta ta' dak li bagħat dak il-ħin. Is-sistemi jgħinu wkoll lil min jużahom biex inaqqas l-iżbalji li jista' jagħmel f'kalkolazzjonijiet u f'dettalji tal-liġi f'każi mhux daqshekk komuni.
Dawn is-sistemi jgħinu wkoll lid-Dipartiment, barra lil dawk li jużawhom, għax iħallu lid-Dipartiment riżorsi li flok joqgħodu jikkupjaw il-karti li jintbgħatu, jagħmlu xogħol iktar utli. Is-suċċess ta' dawn is-sistemi kien wieħed impressjonanti: 82% fil-mija tal-formoli tat-taxxa tal-kumpanniji daħlu permezz ta dan il-mezz, u madwar 62% tal-Employers privati li jħaddmu iktar minn disa' impjegati jibgħatu 70,000 dokument minn fuq l-internet. Tajjeb nghid li dawn in-numri dejjem qed jiżdiedu minn sena ghal oħra. Dawn is-servizzi waslu wkoll biex prattikament tneħħiet l-inkonvenjenza li wara li l-formoli jidħlu fid-Dipartiment, jiġu mibgħuta kontijiet bi żbalji ta' kkupjar jew interpretazzjoni ta’ dak li l-uffiċjali jaqraw minn fuq il-karti. Id-Dipartiment flimkien mal-MITTS jiżviluppaw dawn is-servizzi flimkien ma' min jużahom u wara l-implementazzjoni, il-prodott jibqa' jiġi żviluppat u addattat għal ħtiġijiet ta' kulħadd.
Bil-bidla li saret fir-reġim tal-Qliegh fuq it-Taxxa Kapitali, issa jmiss li dan is-settur ukoll jigi mgħejjun biex ikun aktar effiċjenti, billi jingħata l-faċilitajiet biex iwettaq l-obbligi tiegħu aħjar, billi jitħaffef ix-xogħol u jingħata l-għodda biex il-kalkulazzjonijiet u dettalji oħra jiġu ċċekkjati awtomatikament għall-benefiċċju tagħkom bhala nutara, tal-klijenti tagħkom u tad-Dipartiment. Dawn is-servizzi jgħinu wkoll biex il-proċessi li tħabbtu wiċċkom magħhom, jiġu eżaminati biex jekk m'hemmx bżonnhom, jitneħħew; u fejn hemm bżonnhom jiġu simplifikati u mħaffa.
Naturalment id-dinja ma saritx f'daqqa, għalhekk dan ix-xogħol li qed jiġi mwettaq bejnkom, id-Dipartiment u l-MITTS, għadu biss il-bidu biex intom ikollkom servizzi mill-uffiċċji tagħkom ħalli jitħaffef ix-xogħol u anke jonqsulkom l-ispejjeż. Dan żgur ikun għal benefiċċju tagħkom, tad-Dipartiment u tat-taxpayers.
Il-Kompjuterizzazjoni tal-CapitalTransfer Duty bdiet ferm wara dik tad-Diviżjoni tat-Taxxi Interni, iżda saru avvanzi kbar li minnhom ibbenefika kulħadd u issa qegħdin nimxu flimkien maż-żminiijiet, biex nagħtukom servizzi mill-uffiċċju tagħkom u tinqdew b'inqas inkonvenjenza. Dawn is-servizzi se jservu biex tibgħatu formoli, twettqu ħlas u anke jkollkom għajnuna waqt il-kalkulazzjonijiet tat-taxxa fuq il-qliegħ kapitali u l-boll.
Barra minn hekk ħa tkunu tistgħu tapplikaw għal diversi servizzi on-line mill-uffiċċju tagħkom (Non-Residents, Reduced Rates of CGT, Duty on Document Exemptions) u wkoll tkunu tisgħu tiċċekkjaw informazzjoni mogħtija lilkom mill-klijenti (bħal ID Card) on line. Dan għadu biss il-bidu, għax żgur li wara li nibdew b'dawn is-servizzi u nitgħallmu minnhom, nimxu biex inwettqu oħrajn (bħal causa mortis). Dan għal benefiċċju tagħkom, tad-Dipartiment u tat-Taxpayers b'mod in ġenerali.
Nirringrazzjakom u nawguralkom ħidma tajba li twassal għal benefiċċji hawn fuq imsemmija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958