Left arrow Mur Lura

FESTA TA’ KORIJIET GĦALL-POPLU KOLLU

PR1526
Date Icon 09/11/2006

 “L-organizazzjoni ta’ ‘The Malta International Choir Competition and Festival’ ġiet ippjanata b’tali mod li l-korijiet li se jkun hawn f’pajjiżna fi tmiem din il-ġimgħa se jitgawdew mill-poplu kollu billi se jagħtu għadd ta’ rappreżentazzjonijiet fil-pubbliku, sew fi pjazez kif ukoll fi knejjes.” 

Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta inawgura l-Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Malta tal-Korijiet waqt ċerimonja fis-sit tal-Teatru Rjal, fil-belt Valletta. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-festival u kompetizzjoni kienu qed jiġu organizzati bħala attivita’ bi sħab ma’ l-‘Interkultur Foundation’ li hi għaqda li tispeċjalizza fl-organizzazzjoni ta’ festivals ta’ korijiet mad-dinja kollha. Hu qal fil-festival u kompetizzjoni qed jipparteċipaw korijiet mill-Ungerija, ir-Russja, Greċja, Polonja, Ġermanja, Finlandja, Franza, Slovenja, Danimarka, Ċina, Israel u Malta. 

Il-Ministru ghat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura kienet mezz internazzjonali biex il-popli tad-dinja jersqu lejn xulxin u hekk titkattar il-għaqda u l-paċi. Hu qal li l-mużika u l-kant kienu l-lingwa internazzjonali li tiftiehem minn kulħadd. Hu qal li għalhekk il-ħidma li kien qed iwettaq il-Gvern fil-qasam kulturali minbarra li kellha l-iskop li tkompli tressaq lill-poplu dejjem aktar qrib il-kultura kellha wkoll l-iskop li tkattar l-għaqda u l-paċi fost il-popli. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festival u l-kompetizzjoni tal-korijiet kienu qed jingħataw dimensjoni ġdida billi kienu qed jiġu organizzati kunċerti f’Misraħ il-Ħelsien u fi Pjazza Reġina, għada l-Ġimgħa u nhar is-Sibt. Hu qal li nhar il-Ħadd kien ser isir kunċert minn tliet korijiet fil-Mużew Marittimu l-Birgu, filwaqt li nhar il-Ħadd filgħodu diversi korijiet kienu se jżuru knejjes f’Malta fejn kienu se jkantaw waqt il-funzjonijiet reliġjużi. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kompetizzjonijiet kienu ser isiru b’tali mod li kollox ikun qed jiġi organizzat f’area li tintlaħaq bil-mixi. Hu qal li għalhekk il-kompetizzjonijiet ta’ mużika sagra kienu ser jittellgħu fil-Knisja ta’ San Duminku l-Belt; il-kompetizzjonijiet ta’ mużika sekulari ser jittellgħu fit-Teatru ta’ l-Universita’ l-Qadima fil-Belt, filwaqt li fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran kienu ser jiġu organizzati numru ta’ workshops, il-Gala Concert ma’ l-Orkestra Nazzjonali u ċ-ċerimonja tas-serata finali, kunċert mill-korijiet rebbieħa u ċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-premjijiet. Il-Ministru Zammit Dimech qal li mument importanti f’dan il-festival kien se jkun il-laqgħa inter-reliġjuża – Inkantaw Flimkien għall-Paċi – li kienet ser tiġi organizzata fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, għada.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien ta’ pjaċir għalih jara dan il-festival jikber mhux biss fin-numru ta’ korijiet iżda wkoll fl-organizazzjoni, fil-kwalita’ u fid-dimensjoni internazzjonali tiegħu’. Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan il-festival membri ta’ korijiet Maltin ser ikollhom l-opportunita’ jitħalltu ma’ membri ta’ korijiet minn diversi pajjiżi barranin  u hekk jakkwistaw esperjenza li tiġi minn dawn il-kuntatti. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-festival kien jikkontribwixxi ukoll lejn li ngħollu dejjem aktar il-prodott turistiku. Hu qal li f’dawn ix-xhur tas-sena, li jitqiesu bħala l-aktar iebsin għas-settur turistiku, il-Gvern kien qed jagħmel min kollox biex joħloq attivitajiet li jkunu ta’ attrazzjoni għat-turisti li jkunu qed iżuruna. Hu qal li fl-aħħar xahar ġew organizzati diversi attivitajiet fosthom il-festival tal-iBliet Storiċi, il-Military Tattoo u n-Notte Bianca li attiraw lejhom eluf ta’ Maltin u turisti. Hu qal li kien ċert li l-Festival tal-Korijiet kien ser ikollu impatt pożittiv minħabba d-deċiżjoni li ttieħdet li l-korijiet ikantaw fil-pjazez f’ħinijiet li jkunu frekwentati ħafna mill-Maltin u l-barranin.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festival tal-korijiet, li se jġib flimkien numru hekk kbir ta’ korijiet minn tlettax-il pajjiż, hu okkażjoni unika għall-poplu Malti biex jipparteċipa f’okkażjoni kulturali hekk importanti. Hu qal li dan il-festival ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx hemm persuni dedikati biex jorganizzawh. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lil Dun Ġwann Galea li kien il-mutur  wara l-organizazzzjoni ta’ dan il-festival, lill-ġurija internazzjonali li tinkludi lil Sir David Wilcocks, il-leggendarju espert korali Ingliż ta’ 86 sena u lil dawk kollha li kkontribwew biex dan il-festival seta’ jkun organizzat. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech awgura lill-Maltin u lill-barranin li jkunu fostna tlett ijiem ta’ divertiment ma’ tant korijiet ta’ fama.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow