FESTA TA’ KORIJIET GĦALL-POPLU KOLLU
“L-organizazzjoni ta’ ‘The Malta International Choir Competition and Festival’ ġiet ippjanata b’tali mod li l-korijiet li se jkun hawn f’pajjiżna fi tmiem din il-ġimgħa se jitgawdew mill-poplu kollu billi se jagħtu għadd ta’ rappreżentazzjonijiet fil-pubbliku, sew fi pjazez kif ukoll fi knejjes.”
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta inawgura l-Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Malta tal-Korijiet waqt ċerimonja fis-sit tal-Teatru Rjal, fil-belt Valletta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-festival u kompetizzjoni kienu qed jiġu organizzati bħala attivita’ bi sħab ma’ l-‘Interkultur Foundation’ li hi għaqda li tispeċjalizza fl-organizzazzjoni ta’ festivals ta’ korijiet mad-dinja kollha. Hu qal fil-festival u kompetizzjoni qed jipparteċipaw korijiet mill-Ungerija, ir-Russja, Greċja, Polonja, Ġermanja, Finlandja, Franza, Slovenja, Danimarka, Ċina, Israel u Malta.
Il-Ministru ghat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura kienet mezz internazzjonali biex il-popli tad-dinja jersqu lejn xulxin u hekk titkattar il-għaqda u l-paċi. Hu qal li l-mużika u l-kant kienu l-lingwa internazzjonali li tiftiehem minn kulħadd. Hu qal li għalhekk il-ħidma li kien qed iwettaq il-Gvern fil-qasam kulturali minbarra li kellha l-iskop li tkompli tressaq lill-poplu dejjem aktar qrib il-kultura kellha wkoll l-iskop li tkattar l-għaqda u l-paċi fost il-popli.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festival u l-kompetizzjoni tal-korijiet kienu qed jingħataw dimensjoni ġdida billi kienu qed jiġu organizzati kunċerti f’Misraħ il-Ħelsien u fi Pjazza Reġina, għada l-Ġimgħa u nhar is-Sibt. Hu qal li nhar il-Ħadd kien ser isir kunċert minn tliet korijiet fil-Mużew Marittimu l-Birgu, filwaqt li nhar il-Ħadd filgħodu diversi korijiet kienu se jżuru knejjes f’Malta fejn kienu se jkantaw waqt il-funzjonijiet reliġjużi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kompetizzjonijiet kienu ser isiru b’tali mod li kollox ikun qed jiġi organizzat f’area li tintlaħaq bil-mixi. Hu qal li għalhekk il-kompetizzjonijiet ta’ mużika sagra kienu ser jittellgħu fil-Knisja ta’ San Duminku l-Belt; il-kompetizzjonijiet ta’ mużika sekulari ser jittellgħu fit-Teatru ta’ l-Universita’ l-Qadima fil-Belt, filwaqt li fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran kienu ser jiġu organizzati numru ta’ workshops, il-Gala Concert ma’ l-Orkestra Nazzjonali u ċ-ċerimonja tas-serata finali, kunċert mill-korijiet rebbieħa u ċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-premjijiet. Il-Ministru Zammit Dimech qal li mument importanti f’dan il-festival kien se jkun il-laqgħa inter-reliġjuża – Inkantaw Flimkien għall-Paċi – li kienet ser tiġi organizzata fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, għada.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien ta’ pjaċir għalih jara dan il-festival jikber mhux biss fin-numru ta’ korijiet iżda wkoll fl-organizazzjoni, fil-kwalita’ u fid-dimensjoni internazzjonali tiegħu’. Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan il-festival membri ta’ korijiet Maltin ser ikollhom l-opportunita’ jitħalltu ma’ membri ta’ korijiet minn diversi pajjiżi barranin u hekk jakkwistaw esperjenza li tiġi minn dawn il-kuntatti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-festival kien jikkontribwixxi ukoll lejn li ngħollu dejjem aktar il-prodott turistiku. Hu qal li f’dawn ix-xhur tas-sena, li jitqiesu bħala l-aktar iebsin għas-settur turistiku, il-Gvern kien qed jagħmel min kollox biex joħloq attivitajiet li jkunu ta’ attrazzjoni għat-turisti li jkunu qed iżuruna. Hu qal li fl-aħħar xahar ġew organizzati diversi attivitajiet fosthom il-festival tal-iBliet Storiċi, il-Military Tattoo u n-Notte Bianca li attiraw lejhom eluf ta’ Maltin u turisti. Hu qal li kien ċert li l-Festival tal-Korijiet kien ser ikollu impatt pożittiv minħabba d-deċiżjoni li ttieħdet li l-korijiet ikantaw fil-pjazez f’ħinijiet li jkunu frekwentati ħafna mill-Maltin u l-barranin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festival tal-korijiet, li se jġib flimkien numru hekk kbir ta’ korijiet minn tlettax-il pajjiż, hu okkażjoni unika għall-poplu Malti biex jipparteċipa f’okkażjoni kulturali hekk importanti. Hu qal li dan il-festival ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx hemm persuni dedikati biex jorganizzawh.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lil Dun Ġwann Galea li kien il-mutur wara l-organizazzzjoni ta’ dan il-festival, lill-ġurija internazzjonali li tinkludi lil Sir David Wilcocks, il-leggendarju espert korali Ingliż ta’ 86 sena u lil dawk kollha li kkontribwew biex dan il-festival seta’ jkun organizzat.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech awgura lill-Maltin u lill-barranin li jkunu fostna tlett ijiem ta’ divertiment ma’ tant korijiet ta’ fama.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958