Left arrow Go Back

KONTRIBUZZJONI GĦAS-SETTUR TURISTIKU MIL-‘LOW COST AIRLINES’

PR1525
Date Icon 09/11/2006

“L-introduzzjoni f’Malta tal-‘low cost airlines’ hu żvilupp importanti għat-turiżmu f’pajjiżna għaliex f’dawn l-aħħar snin konna qed inbatu mill-fatt li ma konnix fuq is-siti elettroniċi ta’ dawn il-low cost carriers. L-introduzzjoni din is-sena ta’ titjiriet mil-linji ta’ l-ajru ‘low cost’, Meridiana, Centralwings, Germanwings u Ryanair, tfisser li bejniethom dawn il-linji ta’ l-ajru sa’ l-aħħar ta’ din is-sena jkunu ġabu lejn  Malta aktar minn 20,000 passiġġier.” 

Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta tkellem waqt il-Laqgħa Ġenerali ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bars u r-Ristoranti ta’ San Pawl il-Baħar. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta tiddependi għat-turiżmu tagħha mill-ajru u għalhekk kull tnaqqis ta’ titjiriet jfisser għalina nuqqas ta’ turisti. Hu qal li minħabba  li d-dipendenza tagħna hi daqshekk kbira fuq t-titjiriet bl-ajru ridna nsibu bilanċ bejn il-linji nazzjonali ta’ l-ajru, li joffrulna titjiriet bl-iskeda u li ilhom jaħdmu fostna għal ħafna snin, u l-linji ‘low cost’ li l-importanza tagħhom qed tikber kuljum. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li aktar kmieni din is-sena l-Gvern ħareġ sejħa għal offerta għal rotot ġodda li għalqet fil-25 ta’ Awissu. Hu qal li l-akbar żewġ linji ta’ l-ajru low cost, Ryanair u Easyjet tefgħu l-offerti tagħhom: Ryanair applikat għat-tliet rotot ta’ Pisa, Dublin u Luton filwaqt li Easyjet applikat ghar-rotot ta’ Luton u Mulhouse-Basel.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li Ryanair għamlet l-ewwel żewġ titjiriet tagħha minn Luton u Pisa fil-31 ta’ Ottubru meta ġabet lejn Malta aktar minn 360 passiġġier. Hu qal li Ryanair qed topera titjira kuljum minn Luton u tliet titjiriet fil-ġimgħa minn Pisa. Il-Ministru Zammit Dimech ħabbar li fl-ewwel ġimgħa sħiħa ta’ operazzjoni, jiġifieri bejn il-31 ta’ Ottubru u s-6 ta’ Novembru Ryanair ġabet Malta 1,068 passiġġier minn Luton fir-Renju Unit u 424 minn Pisa – total ta’ 1,494 passiġġier. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi Frar li ġej Ryanair tibda topera wkoll minn Dublin. Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn dawn it-tliet rotot Ryanair kienet mistennija ġġib lejn pajjiżna aktar minn 90,000 passiġġier matul l-2007. Il-linji ta’ l-ajru l-oħra low cost kienu ser iġibu bejniethom madwar 25,000 passiġġier ora. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fil-31 ta’ Ottubru wkoll il-Gvern ħareġ sejħa bil-ħsieb li jkunu operati titjiriet bejn Malta minn Spanja, Portugall, Svezja, Norveġja, Danimarka,  Finlandja u Polonja. Hu qal li jidher li diġa hemm interess f’dawn ir-rotot ġodda.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar hemm diversi lukandi li jbagħtu jekk in-numru ta’ turisti li jżuru pajjżina jonqos. Hu qal li l-introduzzjoni ta’ titjiriet low cost kienet mistennija li tgħin lis-sidien ta’ dawn il-lukandi li nvestew flushom fihom. Hu qal li kien ċert li mal-lukandi kienu ser igawdu wkoll il-bars u r-ristoranti. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-prodott turistiku Malti ridna naħdmu għalih lkoll. Hu qal li inutli li jkollok infrastruttura tajba, lukandi sbieħ u moderni jekk imbagħad min joffri servizz lit-turisti ma jtihomx valur tal-flus li jonfqu, jew agħar minhekk, jisraqhom. Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex is-settur turistiku jirpilja u jmur ‘l quddiem ridna naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow