Left arrow Go Back

AKTAR STUDENTI SE JINGĦATAW TAĦRIĠ FL-ICT

PR1523
Date Icon 09/11/2006

Il-Gvern ħa miżuri biex joffri korsijiet ta’ taħriġ lill-istudenti kollha li kienu fuq il-waiting list ta’ l-MCAST għall-korsijiet fl-ICT. 

Wara ħidma bejn il-Ministri Austin Gatt u Louis Galea, flimkien ma’ l-MCAST, il-Gvern ħa miżuri biex aktar minn 320 student li bħalissa qegħdin fuq il-waiting list ta’ l-MCAST għal korsijiet fl-ICT,  jkunu jistgħu jsegwu l-korsijiet li applikaw għalihom. Dan seta’ jsir b’arranġamenti li ġew negozjati ma’ ċentri ta’ taħriġ privati u wara li l-Gvern daħal f’kuntratti definiti ma’ persuni kwalifikati biex l-istudenti jkunu jistgħu jingħataw it-taħriġ tal-korsijiet taħt is-superviżjoni ta’ l-MCAST.  

Dan ħabbruh il-Ministri Austin Gatt u Louis Galea meta f’konferenza stampa taw dettalji dwar din l-iskema l-ġdida li minnha se jgawdu mijiet ta’ żgħażagħ u s-settur ta’ l-ICT f’pajjiżna. 

Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin kien hemm mas-600 student fil-korsijiet kollha fl-Istitut ta’ l-ICT fl-MCAST, din is-sena biss kien hemm aktar minn 600 applikant ġdid. L-MCAST ma kienx sab l-għalliema li kellu bżonn biex jaċċetta l-istudenti kollha li kienu kwalifikati jidħlu fil-korsijiet ta’ l-ICT li applikaw għalihom.  Dan fisser li din is-sena kien hemm aktar minn 320 persuna fuq il-waiting list għall-ħames korsijiet li joffri dan l-Istitut. 

Il-Ministru Austin Gatt qal li m’hemmx dubju li l-iżviluppi li saru f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar xhur u s-suċċess li qed ikollu pajjiżna f’dan is-settur sostnut b’investiment u edukazzjoni fil-livell primarju u sekondarju qed iħajjar aktar studenti jagħżlu korsijiet marbuta ma’ l-ICT.  Filwaqt li n-numru ta’ applikazzjonijiet huwa ta’ inkoraġġiment kbir għas-settur ta’ l-ICT li għandha bżonn dejjem aktar nies imħarrġin fl-ICT, dan hu biss il-bidu u għad fadal ħafna x’isir jekk irridu li pajjiżna jieħu l-massimu mill-iżviluppi li qed iseħħu f’dan il-qasam. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li dan il-pass jikkonferma l-priorita` li l-Gvern qed jagħti għall-edukazzjoni u t-taħriġ u kemm l-MCAST hi istituzzjoni li kapaċi tagħraf il-bżonnijiet ta’ l-istudenti u l-pajjiż u li hi flessibbli biżżejjed biex tirrispondi malajr għal dawn il-bżonnijiet. 

Sadanittant għall-applikanti li qegħdin fil-waiting list :-

·        L-MCAST offra li jaċċetta lill-applikanti kollha;

·       Minflok jattendu għall-lezzjonijiet fl-MCAST, dawn l-applikanti ser ikunu jistgħu jagħżlu li jattendu għall-lezzjonijiet għand wieħed mill-erba’ ċentri ta’ taħriġ privati (li huma parti mill-programm tal-MIIIT myPotential). L-erba` ċentri huma : Key Training Services, STC Training, Computer Domain u St. Martins Computer Training Centre;

·        Kurrikula komparabbli ma’ dak li joffri l-MCAST għal dawn iż-żewġ korsijiet ser ikunu segwiti mill-erba’ training providers u fl-aħħar tas-sena akkademika ser jingħata ċ-ċertifikat lill-dawn l-istudenti mingħand l-MCAST.

·       Dawn l-istudenti ser ikollhom benefiċċji daqs l-istudenti li jattendu l-MCAST, fosthom l-għotjiet ta’ manteniment (stipendji).

·       Għalkemm l-istudenti ser jattendu għand dawn it-training providers, l-istudenti mhux ser iħallsu xejn bħalma jagħmlu sħabhom li jattendu fl-MCAST għaliex il-Gvern ser jiffinanzja t-taħriġ li ser jingħata.

·       L-istudenti li ser imorru għand l-erba’ training providers tal-myPotential, se jkunu rikonoxxuti bħala studenti ta’ l-MCAST f’kollox u għaldaqstant ikollhom aċess għar-riżorsi li jipprovdi l-MCAST inkluż il-librerija u faċilitajiet oħrajn.  

Il-Ministru Austin Gatt spjega kif dawn iċ-ċentri ta’ taħriġ privati huma kollha organizzazzjonijiet professjonali u serji; u l-esperjenza li għandhom fil-qasam tat-taħriġ fl-ICT żgur li jista’ jserraħ moħħ l-istudenti u l-ġenituri tagħhom.  Hu qal li l-MIIIT daħal fi sħab ma’ dawn it-training providers għall-inizjattiva myPotential, u jaf sew x’isarrfu u hu għalhekk li r-responsabbiltà li jgħallmu lil dawn l-istudenti ġiet offruta lil dawn l-organizzazzjonijiet. 

Il-Ministru Galea spjega kif filwaqt li ċ-ċentri ta’ taħriġ privati se joffru spazju u riżorsi għall-istudenti li applikaw għall-Foundation Certificate u għall-First Diploma li kienu fuq il-waiting list, l-Istitut ta’ l-ICT fl-MCAST se jipprovdi l-ispazju u r-riżorsi għal dawk li applikaw għan-National Diploma  u għall-Higher National Diploma (23 software development, 47 ICT systems support).  Dan sar possibbli wara li l-Gvern għamel arranġamenti speċjali u ħareġ sejħa għal persuni kwalifikati biżżejjed biex jagħtu t-taħriġ tal-livell meħtieġ fl-ICT. Għal din is-sejħa kien hemm interess biżżejjed, tant li l-Gvern ikkuntratta t-trainers meħtieġa.  Sadattant sar investiment qawwi biex saru Laboratorji tal-Kompjuter ġodda fl-Istitut ta’ l-ICT. 

Għas-snin li ġejjin, il-Gvern ser ikompli jaħdem biex joħroġ b’miżuri innovattivi biex filwaqt li nibqgħu nżommu l-kwalità u l-standards tat-tagħlim ikun possibbli li n-numru ta’ gradwati jkompli jikber. Il-Gvern qed jaħdem biex sas-sena 2009, l-istituzzjonijiet tal-Gvern, primarjament l-MCAST u l-Universita’, flimkien ma’ dawk privati flimkien ikollhom kapaċita` li jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ li jistgħu jwasslu għal 1,500 gradwat fl-ICT fis-sena. 

Il-Ministru Galea spjega kif l-MCAST u l-Università qed jaħdmu biex fis-snin li ġejjin jgħinu l-pajjiż jilħaq il-miri tiegħu mhux biss fl-ICT, imma f’oqsma oħrajn ukoll. L-MCAST għaddej bi proċess mgħaġġel ta’ tfassil u implimentazzjoni ta’ Master Plan biex jipprovdi għall-iżvilupp tal-faċilitajiet meħtieġa fl-għaxar snin li ġejjin.  Fost, ħwejjeġ oħra, dan jinvolvi investiment qawwi fl-infrastruttura tal-Kulleġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji, laboratorji, u apparat .  Il-Gvern se jinvesti miljuni ta’ liri direttament kif ukoll permezz tal-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea, primarjament ir-Regional Development Fund (ERDF) u l-European Social Fund (ESF) kemm fl-MCAST kif ukoll fl-Universita` fejn hu mistenni li jinbena Ċentru tas-Servizzi tal-Kompjuter ġdid b’investiment ta’ € 2m.  

Il-Ministru Galea qal li l-Gvern qed juri fiduċja fil-kapaċità taż-żgħażagħ Maltin, fiduċja fil-kapaċità ta’ l-MCAST u l-għalliema u l-amministraturi tiegħu, u fiduċja fis-settur privat. “Din hi l-viżjoni u dan hu l-programm tal-Gvern li jiżviluppa socjeta’ mibnija fuq l-għerf u l-kapaċitajiet ta’ l-individwu biex jiġbed lejn pajjiżna investiment u intrapriża li jiddependu mill-kapaċijiet tal-ħaddiema tagħna.” 

Il-Ministru Galea irringrazzja lill-Ministru Austin Gatt tal-ħidma enerġika tagħhom li flimkien ma’ l-MCAST u ċ-ċentri ta’ taħriġ privati wasslu għal dawn il-miżuri li fihom il-Gvern ser ikun qed jinvesti eluf kbar ta’ liri f’taħriġ ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa temm jgħid li din l-esperjenza fetħet triq ġdida ta’ kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet pubbliċi u privati ta’ edukazzjoni u taħriġ li twassal għal kwalifiki u kompetenzi ta’ kwalita` u standards rikonoxxuti internazzjonalment. Din il-kollaborazzjoni għandha tkun il-bażi biex nersqu lejn l-ambizzjoni li nagħmlu minn Malta ċentru reġjonali ta’ servizzi edukattivi u ta’ taħriġ. 

Il-Ministru Gatt sostna li fl-istess ħin trid tikber l-għażla ta’ korsijiet ċertifikati minn ażjendi u istituzzjonijiet internazzjonali.  “Irridu nkattru l-għażliet u l-ispeċjalizzazzjonijiet li jistgħu jiksbu l-istudenti Maltin billi jiskbu ċertifikati minn Oracle, Cisco, Microsoft, u IBM. 

Il-Ministru Austin Gatt temm jgħid li l-iżviluppi li seħħew fil-qasam tat-Teknologija ta’ l-Informatika ma kienx ikun possibbli llum li kieku l-Gvern matul is-snin ma nvestiex b’mod qawwi fit-tixrid ta’ l-IT f’kull qasam inkluż fl-edukazzjoni mill-ewwel snin fl-iskejjel primarji.  Hu qal li madankollhu kull żvilupp iġib miegħu sfidi ġodda, sfidi li dan il-Gvern, għax jemmen fil-poplu Malti, dejjem ra kif jittrasforma f’opportunitajiet ġodda. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow