ĦIDMA BIEX TKOMPLI TINXTERED IL-KULTURA FOST IT-TFAL
Heritage Malta, flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO u l-Bank of Valletta qed tniedi t-tieni proġett maħsub biex it-tfal Maltin u Għawdxin isiru aktar konxji mill-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. L-ewwel ktieb ippubblikat taħt dan il-proġett kien dwar il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur u rriżulta li kien popolari ħafna fost it-tfal li żaru dan is-sit storiku.
It-tieni proġett f’din is-sensiela hu dwar it-tempji ta’ Ħal Tarxien. Ittellgħu u ġew stampati workbooksgħat-tfal u ser ikunu organizzati attivitajiet għat-tfal fil-post ta’ dan is-Sit ta’ Wirt Dinji. Il-proġett jinkludi wkoll handbook li għandu jgħin lill-għalliema li jżuru t-Tempji ta’ Ħal Tarxien mal-klassijiet tagħhom u hekk jiggwidawhom tul il-lezzjonijiet dwar dan is-suġġett qabel u wara ż-żjara.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea u l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech kienu preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern kien jinkoraġixxi proġetti bħal dawn għaliex inisslu fit-tfal imħabba lejn il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li aktar ma’ t-tfal jitgħallmu minn meta għadhom żgħar dwar l-għeruq tagħhom aktar jikbru kburin dwar is-7,000 sena ta’ storja ta’ artna.
“L-istorja u l-kultura huma wkoll niċċa mportanti ta’ l-industrja turistika. Bejniethom, dawn jattiraw lejn pajjiżna aktar minn 170,000 turist fis-sena. Is-sena li għaddiet żaru l-Mużewijiet u s-siti storiċi f’Malta u Għawdex 1,306,845 persuna. It-tempji ta’ Ħal-Tarxien żaruhom 104,514 persuna. Dan juri l-interess qawwi li hawn fl-istorja ta’ pajjiżna, li nagħmlu tajjeb li ngħallmuha lit-tfal tagħna minn żgħar għaliex huma jridu jkunu l-għalliema ta’ għada,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-Gvern hu obbligat li jipprovdi riżorsi u opportunitajiet għal ulied il-poplu biex japprezzaw u jsiru jafu aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna. Hu qal li t-tfal jitgħallmu l-aktar meta jkunu qed jieħdu gost u fil-fatt, opportunitajiet bħal dawn mhux biss joffru lill-istudenti tagħlim dwar l-istorja, imma tista’ tkun opportunità biex huma jtejjbu ħiliet oħrajn bħalma huma l-qari, ir-riċerka, l-arti, l-espressjoni kreattiva u tant affarijiet oħrajn.
Il-Ministru Galea qal li minn meta nħolqot Heritage Malta, seħħew bidliet importanti fil-mod kif il-wirt storiku ta’ pajjiżna qed jiġi ppreżentat, partikolarment biex dawn iservu ta’ tagħlim għall-poplu Malti u għat-turisti li jżuruna.
“Ilkoll naqblu li pajjiżna għandu wirt ta’ l-akbar valur u li t-turiżmu f’pajjiżna qiegħed dejjem aktar jiddependi minnu. L-ospitalità tal-Maltin, d-diversità ta’ l-attivitajiet li wieħed jista’ jsib f’pajjiżna u l-wirt storiku u kulturali awtentiku li għandna huma s-sisien li fuqhom irridu nkomplu nibnu t-turiżmu f’pajjiżna. Poplu edukat u mgħarraf sew dwar il-wirt u l-patrimonju storiku li jagħmilna uniċi, hu l-aħjar riklam li nistgħu nagħmlu”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958