Left arrow Mur Lura

JUM DINJI TAT-TFAL: TAJRA FL-GĦOLI GĦALL-ĦARSIEN AĦJAR TAT-TFAL

PR1520
Date Icon 08/11/2006

“Il-Ħarsien Aħjar tat-Tfal” hija t-tema li għażel il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali biex jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal din is-sena.

“Aħna nemmnu li t-tfal huma l-ġejjieni tagħna, iżda rridu wkoll insaħħu l-preżent tat-tfal tagħna biex huma jkunu jistgħu jgawdu mit-tfulija tagħhom. Dan nistgħu nagħmluh billi nsaħħu l-leġislazzjoni, il-politika u s-servizzi li diġà għandna u nibnu dawk ġodda, skond il-bżonn.”

Dan qalitu l-Onorevoli Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, hija u tniedi programm ta’ attivitajiet immirati lejn it-tfal u l-ħarsien tagħhom. Grupp ta’ tfal bejn il-5 snin u l-15-il sena żaru lil Ministru Cristina fl-uffiċċji personali tagħha fil-Ministeru fil-Belt Valletta. Hemmhekk kellhom ukoll iċ-ċans jagħmlu mistoqsijiet lill-Ministru Cristina dwar dak li xtaqu.

Waqt din il-laqgħa mat-tfal, il-Ministru Cristina ppreżentat fuljett li bħalissa qed jitqassam mad-djar kollha ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan il-fuljett wieħed jista’ jagħmel tajra, tajra li hija simbolu tal-ħolm tat-tfal, simbolu ta’ l-għoli li nixtiequ nilħqu fil-ħarsien aħjar tat-tfal. Fuq il-fuljett hemm imniżżlin l-istruzzjonijiet neċessarji biex flimkien mal-familja tagħhom, it-tfal jagħmlu din it-tajra, bid-disinn kif jixtiequ huma. Kull min ikun għamel din it-tajra huwa mħeġġeġ jingħaqad f’attività għall-familja li se ssir fid-19 ta’ Novembru fil-picnic area f’Ta’ Qali bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar. It-tfal huma wkoll mistiedna jġibu t-tajra tagħhom fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali wara d-19 ta’ Novembru u mhux aktar tard mit-13 ta’ Diċembru. Se tittella’ wirja fil-bitħa tal-Ministeru stess bit-tjur kollha u  tibda proprju qabel il-Milied.

Il-Ministru Cristina semmiet il-bżonn li nisimgħu aktar lit-tfal, li nagħtu aktar widen għal dak li jkunu qed isaqsu. Hija tkellmet ukoll dwar dak li diġà għamel il-Gvern fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal u dwar dak li ser iseħħ fil-futur qrib. “Kuntenta ngħid ukoll li x-xogħol fuq il-liġi l-ġdida tal-fostering tlesta u jmiss issa li titla’ quddiem il-Kabinett,” tenniet il-Ministru. “Aħna ser inkomplu f’din it-triq li nsaħħu l-istrutturi li minnhom jistgħu jibbenefikaw it-tfal u għalhekk qegħdin hawn illum biex naraw ftit mill-inizjattivi li l-Ministeru tiegħi għandu mħejji f’dak li jirrigwarda t-tfal.”

F’dawn it-tliet ġimgħat ta’ attivitajiet ser nisimgħu dwar l-Added Support Scheme li toffri għajnuna lil foster carers ta’ tfal b’imġiba diffiċli jew b’diżabilità u li huma taħt care order. Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ser tipparteċipa wkoll f’konferenza internazzjonali tal-EuroChild bit-tema ta’ politika u prattika lejn l-inklużjoni soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ. Ser nibdew naraw ix-xogħol li qed isir bir-reqqa biex faċilitajiet fl-Istitut ta’ Ġesù ta’ Nazaret jibdew jintużaw mir-Richmond Foundation li ser ikollhom f’idejhom it-tmexxija ta’ Programm Innoċenti, programm ta’ terapija residenzjali għat-tfal b’imġieba diffiċli. Kif spjeġat qabel, fid-19 ta’ Novembru ser jittajru t-tjur f’Ta’ Qali. L-Aġenzija Sedqa ser tniedi CD interattiv bl-isem ta’ “Tfal” li jagħmel parti mill-primary prevention programme“Babes”. Il-Ministru Cristina ser iddur diversi postijiet fil-Jum Dinji tat-Tfal biex tiltaqa’ mat-tfal u tisma’ leħinhom direttament. Fl-aħħarnett, fit-23 ta’ Novembru ser ikun hemm sessjoni straordinarja l-Parlament għal Jum Dinji tat-Tfal fejn diversi gruppi ta’ tfal ser jitkellmu fuq it-tema tal-ħarsien aħjar tat-tfal.

L-impenn tal-Ministeru f’dawn it-tliet ġimgħat huwa li jiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd fuq it-tfal, fuq il-bżonnijiet tagħhom, fuq is-sbuħija tagħhom. “Illum naħseb l-aktar ħaġa importanti għalija,” temmet tgħid il-Ministru “hi li għandi l-opportunità noqgħod bilqiegħda fil-kmamar tiegħi ma’ l-aktar mistednin importanti li jista’ jkolli, dawn it-tfal. Nixtieq nisma’ minn għandhom biex flimkien insiru nafuhom u biex nitgħallmu minnhom.”

pr Programme

pr Government Achievements

Nota: Min ma jirċevix kopja tal-fuljett bit-tajra sat-13 ta’ Novembru jista’ jiġbor waħda mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali li jinsab f’Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow