MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN - PERMESSI TA’ RESIDENZA
Niġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku in ġenerali, speċjalment ta’ dawk il-barranin li joqogħdu Malta, għall-fatt illi l-ħruġ u t-tiġdid tal-Permessi ta’ Residenza lil Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (Third Country Nationals), jiġifieri ċittadini ta’ pajjiżi li m’humiex Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, in-Norveġja, l-Iżlanda, Liechtenstein u l-Isvizzera, funzjoni li bħalissa qed titwettaq mill-awtoritajiet ta’ l-Immigrazzjoni tal-Pulizija, mill-1 ta’ Diċembru 2006, se jibdew isiru mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates, 3, Pjazza Kastilja, Valletta, CMR 02.
B’effett minn din id-data, applikazzjonijiet għal ħruġ u tiġdid ta’ permessi ta’ residenza għandhom isiru fuq l-applikazzjonijiet li jistgħu jinkisbu mill-istess Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates, u jiġu ppreżentati fl-istess Dipartiment jew mibgħuta bil-posta, flimkien mad-dokumenti u ħlasijiet meħtieġa.
Applikazzjonijiet (għal ħruġ u tiġdid ta’ permessi ta’ residenza) li kienu ġew sottomessi lill-awtoritajiet tal-Pulizija, diġà ġew riferuti lid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates, biex jiġu pproċessati. Minħabba li dawn l-applikazzjonijiet għandhom bżonn jiġu aġġornati, il-persuni konċernati se jiġu avżati b’dan malajr kemm jista’ jkun.
NOTA: Arranġamenti dwar ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, se jiġu mħabbra iktar ’il quddiem. Għalissa, ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom jibqgħu japplikaw fl-Uffiċċju ta’ l-Uffiċjal Prinċipali ta’ l-Immigrazzjoni, Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana. Kjarifiki dwar materji ta’ residenza jistgħu jsiru billi wieħed jikkomunika mad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates, fuq:
| Numru tat-Telefon: | 22001800 |
| Numru tat-Telefax: | 22001830 |
Indirizz ta’ l- E-mail: citizenship@gov.mt
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958