Left arrow Go Back

IL-FTUĦ TA’ L-EWWEL FAŻI TAL-PARK AND RIDE SER TWASSAL GĦAL TITJIB IMMEDJAT FL-AMBJENT TAL-BELT VALLETTA

PR1514
Date Icon 07/11/2006

Is-suċċess ta’ l-iskema tal-Park and Ride (P&R), li l-ewwel fażi tagħha bdiet topera minn sbieħ it-Tnejn filgħodu, ser iwassal biex il-ġimgħa d-dieħla jibda jitneħħa l-parkeġġ abbużiv li ta’ kuljum joħnoq it-toroq tal-Belt Valletta. 

Waqt żjara li għamel fuq is-sit fi Crownworks u Hornworks fil-limiti tal-Floriana illum wara nofsinhar, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-użu ta’ l-iskema mill-pubbliku fil-pilot run ta’ nhar it-Tnejn kien ogħla minn dak li kien mistenni.  

“Sas-sitta ta’ filgħaxija aktar minn 500 vettura ġew ipparkjati hawn f’xi ħin, filwaqt li madwar 280 ruħ għamlu użu mis-servizz ta’ shuttle bejn is-sit fil-Furjana u Pjazza Ħelsien bir-ritorn. Illum rajna żieda qawwija fl-użu tant li sas-1.30 p.m. tal-lum kienu pparkjaw mas-650 vettura u 608 kienu wżaw is-servizz tax-shuttle. Dan l-użu kien aħjar mill-aktar previżjonijiet ottimisti li kellna u huwa riżultat inkoraġġjanti ħafna għall-futur ta’ dan il-proġett,” qal il-Ministru Mugliett. 

L-ewwel fażi tal-proġett tal-P&R tista’ tilqa’ fiha sa massimu ta’ 500 vettura. Intant bħal issa qed jitkompla x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett fil-foss ta’ madwar il-Crownworks u Hornworks li kien waqa xi ftit lura. Dan minħabba xi problemi li kien hemm ma’ l-aħħar okkupanti tal-garaxxijiet li kien għad fadal hemmhekk. Ladarba titlesta din it-tieni fażi, il-parkeġġ ser ikun jiflaħ mad-950 vettura. L-investiment totali tal-Gvern f’dan il-proġett mistenni jkun ta’ madwar Lm700,000. 

Min jipparkja fis-sit li ser jibqa’ miftuħ 24 siegħa kuljum, jista’ jaqbad servizz ta’ shuttle dirett lejn il-Belt li jopera mis-6.00 a.m. sas-siegħa ta’ bil-lejl. Min jipparkja fil-P&R qed jingħata wkoll l-opportunità li jissellef rota b’xejn biex jasal il-Belt jew inħawi oħra fil-viċin. Din il-faċilità żdieded fil-popolarità mal-pubbliku tul it-tieni jum ta’ operazzjoni tal-P&R. 

Il-pilot run ta’ nhar it-Tnejn għenet sabiex jiġu ndividwati u rettifikati xi problemi żgħar li seta’ kien hemm, kemm fis-sit innifsu, kif ukoll fl-infrastruttura tat-toroq li hemm fil-madwar. Fil-fatt, sa dalgħodu kienu nbidlu l-intervalli tat-traffic lights ġodda li ġew stallati fi Triq Sant’Anna biex ix-shuttle tal-Park and Ride, fi triqitha lejn il-Belt, tkun tista’ taqsam din it-triq direttament minn St. Francis Ravelin. Dan it-tibdil wassal biex dal-għodu it-traffiku tmexxa  b’mod normali f’din it-triq. 

Id-domanda għas-servizz tax-shuttle fl-ewwel jum wasslet ukoll biex jinbidlu l-frekwenzi ta’ dan is-servizz. L-ADT fil-fatt qed testendi l-peak time ta’ filgħodu b’siegħa. Dan ifisser li mil-lum, l-istennija massima għax-shuttle bejn is-07.00 a.m.  u d-09.30 a.m. ser tkun ta’ 4 minuti. Hemm il-possibilità li l-peak time ta’ filgħaxija li għalissa jkopri mill-4.00  sas-6.00 p.m. jiġi estiż ukoll. Il-vjaġġ round-tripta’ kull vann qed jieħu madwar 10 minuti, hekk kif kien ippjanat. 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq tkellem ukoll dwar kif il-proġett tal-Park and Ride irrijabilita sit li kien mitluq għal snin twal. 

“Min kien hawn ftit ġimgħat ilu mal-bidu tax-xogħlijiet japprezza kif din li kienet dumping site illegali, illum inbidlet f’sit ħaj li qed iservi użu speċifiku. Il-proġett serva wkoll sabiex reġgħu inkixfu xi assi storiċi bħal Gun Powder Room, li tkun tista’ titgawda mill-pubbliku meta tiġi restawrata.” 

Il-Ministru Mugliett żied jgħid li l-fatt li kemm il-parkeġġ, kif ukoll l-użu tax-shuttles huma kollha b’xejn qed iservi ta’ inċentiv għall-pubbliku, li qed jifhem li issa teżisti alternattiva valida għad-dħul fil-Belt Valletta bil-karozza privata. L-Awtorità dwar it-Trasport diġa’ kollha feedback li xerrejja li mhux normalment jidħlu l-Belt sabiex jixtru, illum għażlu li jidħlu l-Belt Valletta minħabba l-opportunità ġdida li qed joffri l-P&R. 

“Dan huwa l-ewwel pass fl-istrateġija tal-Gvern lejn il-ħolqien ta’ Belt Valletta b’ambjent aħjar. Il-ftuħ ta’ dan il-proġett ser iwassal biex aktar tard din il-ġimgħa, jibda jitneħħa l-parkeġġ illegali li ta’ kuljum ikerraħ u anke jagħmel ħsara lit-toroq tal-Belt Valletta,” qal il-Ministru Mugliett. 

“Bil-ħolqien ta’ 950 post ta’ parkeġġ ġdid alternattiv ikun jista’ jitneħħa wkoll l-on street parking f’xi toroq fiċ-ċentru tal-Belt sabiex fi ftit ġimgħat oħra jibda l-proġett ta’ pavimentar tal-Belt Valletta li kien tħabbar f’Lulju,” żied jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq. 

It-tneħħija tal-parking illegali u parking ieħor f’toroq li ser isiru pedonali mistenni jibda l-ġimgħa d-dieħla. L-ADT mistennija wkoll tirrijabilita s-subway ta’ ħdejn il-Bombi, sabiex il-Park and Ride illum huwa għażla wkoll għall-klijenti jew ħaddiema li jenħtiġilhom imorru fuq in-naħa l-oħra ta’ Triq Nazzjonali. 

“Il-ħsieb aħħari tal-Gvern huwa li jagħti dehra isbaħ lill-Belt Valletta, li tkun aktar aċċessibbli għal kulħadd. Is-suċċess tal-proġett tal-Park and Ride fl-ewwel jiem tiegħu huwa xhieda li mexjin fit-triq it-tajba,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow