Left arrow Go Back

RESTAWR FUQ IL-KAPPELLA TA’ SAN PAWL TAL-QLEJJA, MOSTA

PR1506
Date Icon 03/11/2006

Impenn u Investiment tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna

It-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura waslet biex tikkonkludi proġett ieħor ta' restawr, dak tal-Kappella ta' San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta. Meta kien qed iżur ix-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit tenna li dan ix-xogħol hu “ornament” ieħor f’vetrina ta’ xogħlijiet ta’ restawr li saru fix-xhur u s-snin li għaddew, xogħol delikat u speċjalizzat li qed isarraf f’konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.  

Il-Kappella ddedikata lin-Nawfraġju ta' San Pawl, magħrufa aħjar bħala ta' San Pawl tal-Qlejja, tinsab f'Wied Qlejja fil-limiti tal-Mosta. Din kienet inbniet fis-sena 1690 minflok knisja oħra, u ġiet ikkonsagrata ħames snin wara jiġifieri fl-1695. 

Għalkemm illum il-Kappella għandha 'l fuq minn 300 sena, il-kundizzjoni tagħha għadha relattivament tajba.  Madankollu, il-faċċati kellhom ħafna mill-fili miftuħin li kienu qed iwasslu għal dħul ta' ilma li jikkawża ħafna ħsara fil-ġebla u fl-intern tal-kappella. Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit qal li x-xogħol ta' restawr inkluda t-tindif tal-faċċati kollha u t-tberfil tal-fili tal-ġebla b'taħlita apposta u kompatibbli mal-kulur preżenti tal-ġebla.  Sar ukoll plastic repair tal-partijiet nieqsa jew imkissra, u t-tiswijiet neċessarji tad-deffun. Wara li tlesta t-tikħil neċessarju fuq ġewwa, il-kappella issa qed titbajjad b’taħlita magħmula primarjament mill-ġir.  Bħala parti mill-proġett tar-restawr, u kif qed isir regolarment fuq proġetti simili, il-madwar immedjat tal-kapella ukoll qed jiġi restawrat. Għaldaqstant il-ħitan tal-pont li jinsab biswit din il-kappella ukoll qed jiġu rrestawrati. 

Il-proġett ġie restawrat mill-ħaddiema tal-Works Division u x-xogħlijiet mistennija li jiġu kompluti fi ftit ġranet oħra. 

”Dawn ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq diversi kappelli mifruxa f’zoni rurali issa jiffurmaw lista numeruża li turi biċ-ċar l-impenn u l-investiment tal-Gvern.  Dan mhux biss qed jikkonserva binjiet storiċi u ta’ valur nazzjonali, iżda qed jindokra kull rokna ta’ pajjiżna biex l-ambjent storiku u infrastrutturali jitjieb għall-livelli għoljin.  Pajjiżna hu mgħoni b’binjiet ta’ valur storiku.  Għaldaqstant huwa d-dmir tagħna lkoll li nikkonservaw dawn il-binjiet li jiffurmaw parti mis-sisien ta’ l-istorja ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow