INIZJATTIVI MILL-KUNSILL MALTI GĦALL-KULTURA U L-ARTI
‘Teatru Unplugged’ jinsab fid-disa’ edizzjoni tiegħu. ‘Teatru Unplugged’ jittella’ fit-Teatru Manoel u hu kunċert live li jippreżenta taħlita ta’ diversi atti mużikali.
Fil-kunċert ta’ din is-sena ser jipparteċipaw ‘Chasing Pandora’ b’Melissa u Keith Anthony; il-bandfolk lokali ‘Brikkuni’; il-band ‘Muzzle’ b’sett ta’ rock klassiku; Ira Losco u l-band tagħha; u Gianni bil-band ‘Rug’. Il-kummidjanti lokali ‘Zoo’ ser jippreżentaw is-serata.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta nieda d-disa’ edizzjoni tal-‘GlobalCapital Teatru Unplugged’, qal li l-kunċerti bħal dan kienu jikkontribwixxu biex f’pajjiżna titkattar il-kultura mużikali. Hu qal li dan il-kunċert daħal fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna billi jittella’ ta’ kull sena fit-Teatru Manoel, u jkun mistenni b’ħerqa minħabba l-livell li laħaq tul is-snin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal dan il-Gvern kellu għall-qalbu l-kultura. Hu qal li kien b’dan l-iskop li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti din is-sena organizza diversi attivitajiet ġodda fosthom il-Malta Arts Festival fit-Teatru Rjal; il-kunċerti mogħtija mis-Southampton University Orchestra u n-Notte Bianca.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħabbar li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għandu programm ambizzjuż għat-tliet snin li ġejjin. Hu qal li dan kien jinkludi proġetti innovattivi bħall-Cultural Sponsorship Fund fejn inħajru sponsors privati sabiex jikkontribwixxu lejn attivitajiet kulturali; festival għall-kompożituri fejn inħajru kompożituri żgħażagħ tal-mużika jipproduċu kompożizzjonijiet ġodda kull sena biex jittellgħu live waqt il-festival; u ġimgħa ta’ taħriġ fil-films fejn ekwipaġġ għal taħriġ fil-films joffri lill-applikanti l-possibilta’ li jifhmu l-mod ta’ kif jittelgħu il-films.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li inizjattivi bħal dawn kienu jgħollu l-livell kulturali f’pajjiżna u jikkontribwixxu biex il-poplu jersaq dejjem aktar lejn il-kultura u l-arti. Hu awgura lill-organizaturi ‘GlobalCapital Teatru Unplugged 9’ kull suċċess fil-kunċert tagħhom ta’ din is-sena.Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958