L-ATTIVITA’ KUMMERĊJALI F’PAJJIŻNA QED DEJJEM TIKBER U TIŻVILUPPA
“Pajjiżna huwa pajjiż miftuħ għan-negozju u qed nistennew li s-sena li ġejja tkun sena li fiha l-attivita’ kummerċjali tkompli tiżdied. Dan ifisser aktar ftuħ ta’ negozji ġodda, aktar bdil ta’ l-idejn ta’ negozju u aktar bdil ta’ ġeneru ta’ negozji eżistenti. Dan iwassal biex il-kompetittivita’ fost dawk li qegħdin fin-negozju tkompli tiżdied. Minn din il-kompetittivita’ huwa mistenni li jgawdi l-konsumatur, permezz ta’ għażla ikbar ta’ prodotti, kif ukoll roħs fil-prezzijiet. Hija l-kompetizzjoni li għandha twassal għal roħs fil-prezzijiet u titjib fil-kwalita’ ta’ prodotti u ta’ servizzi”, is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, qal dan waqt żjara fis-supermarket Conad ġdid li għadu kif fetaħ f’Ħaż-Żebbuġ.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo faħħar l-inizjattiva ta’ l-imprendituri Maltin li għamlu investiment f’dan in-negozju. L-investiment qiegħed isir bi sħab bejn imprendituri Maltin u Taljani, u l-investiment Maltin kien ta’ madwar LM150,000. Fil-bidu, dan in-negozju ser ikun qiegħed jimpjega madwar 15-il persuna, iżda ‘l quddiem hemm ħsieb li jiġu mpjegati aktar persuni. L-Onor. Vassallo qal li l-miżuri li qegħdin jittieħdu mill-Gvern qegħdin iwasslu biex Malta tkun aktar miftuħa għan-negozju u b’hekk qiegħed isir aktar investiment, li jsaħħaħ l-ekonomija Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari, waqt li kien qiegħed jitkellem fuq iż-żieda fl-attivita’ kummerċjali qal li “f’Settembru biss tressqu 86 applikazzjoni għal permess ta’ negozju għal attivita’ ta’ negozju ġdida. Minn dawn is-86, 37 ikopru ground surface area ta’ 1,337sqm.
“Il-ftuħ ta’ dan is-supermarket ġdid f’Ħaż-Żebbuġ ser ikun qiegħed jimla’ vojt li kien qiegħed jinħass f’din iż-żona, u ser tkun esperjenza ġdida għal dawk kollha li jiġu jixtru minn hawn. Il-valur ta’ din il-linja ta’ supermarkets huwa l-enfasi li jingħata lis-servizz, u dan huwa fattur importanti li għandu jiġi kkunsidrat minn kull min qiegħed fin-negozju.
“Il-Gvern huwa konxju li supermarkets bħal dan, u oħrajn li huma mistennija li jinfetħu, jistgħu joħolqu spiżi għal negozji eżistenti, u, għaldaqstant ser ikompli jsegwi, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, kif ser jiżviluppa l-kummerċ f’pajjiżna, u jieħu miżuri li jkomplu jiffaċilitaw in-negozju lokali.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo awgura “li din iż-żieda fl-attivita’ kummerċjali tkun suċċess għaliex finalment il-konsumaturi ser ikunu qegħdin igawdu minn għażla akbar u għalhekk ikunu qegħdin jixtru aktar.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958