RIFUŻJONI FUQ L-EKO-KONTRIBUZZJONI
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent iħabbar li tlesta l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-iskemi biex wieħed ikun eżenti jew jieħu lura flus imħallsa bħala eko-kontribuzzjoni.
Il-mod kif se jitħaddem dan il-mekkaniżmu għar-rifużjoni se jkun ikkomunikat permezz ta’ Avviż Legali li jiġi ppubblikat dalwaqt wara li jiġu kkunsidrati s-suġġerimenti mressqa waqt il-konsultazzjoni pubblika.
Kumpaniji se jkunu eliġibbli li jieħdu lura l-eko-kontribuzzjoni mħallsa fuq prodotti u/jew materjal meta dawn l-azjendi juru li ġabru u rriċiklaw materjal minn fuq is-suq. Din ir-rifużjoni se tkun retroattiva sa mill-2005 ‘l quddiem. Prodotti bħal batteriji, żjut, tyres, fridges, u computers huma wħud mill-prodotti li jistgħu jiġu rkuprati. Il-materjal jinkludi materjal ta’ ppakkjar bħal ħġieġ u plastik.
Il-persentaġġ ta’ rifużjoni mħallsa lura mill-Gvern tiddependi mill-persentagg ta’ materjal irkuprat. Din ir-rifużjoni ma tistax taqbeż l-ammont imħallas f’eko-kontribuzzjoni anki jekk il-produttur jirreġistra li f’dak il-perjodu jkun irkupra materjal iktar minn kemm fuqu jkun ħallas eko-kontribuzzjoni.
Kull kumpanija, sew jekk tifforma parti minn skema ta’ rkupru ta’ skart u sew jekk le tista’ tikkwalifika biex tieħu lura l-eko-kontribuzzjoni li tkun ħallset.
Biex ikunu eliġibbli għar-rifużjoni ta’ l-eko-kontribuzzjoni, l-iskemi ta’ rkupru li jinvolvu attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ skart irid ikollhom il-permessi meħtieġa mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Dan il-qafas legali għandu jservi ta’ inċentiv ekonomiku biex jiġi mmassimizzat l-ammont ta’ skart irkuprat fil-gżejjer Maltin. L-Avviż Legali se jipprovdi inċentivi lill-produtturi biex jirkupraw u jirriċiklaw l-iskart li huma stess ikunu poġġew fuq is-suq. Dan jista’ jsir fuq bażi individwali jew fuq bażi kollettiva.
Dan l-Avviż Legali jipprovdi l-infurzar mill-produtturi stess minħabba l-fatt li dawn qed jingħataw inċentiv biex jiġbru u jirriċiklaw l-iskart u jitħallsu jekk ikollhom suċċess fl-attività tagħhom – kemm f’termini ta’ flus kif ukoll biex itejjbu r-reputazzjoni ambjentali tagħhom mal-klijenti tagħhom u mal-pubbliku in ġenerali.
Dan huwa pass ieħor fil-politika tal-Gvern li joħloq l-istrutturi legali meħtieġa biex il-produttur jieħu s-sehem tiegħu fl-irkupru ta’ l-iskart biex b’hekk jintlaħqu l-miri ta’ Malta u Ewropej li jitnaqqas l-ammont ta’ skart li jmur fl-engineered landfill.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958