INXERRDU L-FTEHIM U L-PAĊI FID-DINJA
“It-tpinġija hi l-lingwa internazzjonali li tgħaqqad flimkien lit-tfal tad-dinja fi sforz biex jifhmu aktar lil xulxin u hekk jikkontribwixxu biex tixxered il-paċi fid-dinja.” Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech meta inawgura l-wirja “191 Children’s Views of the World”, mtella’ mill-‘GenevaWorld Association’ flimkien mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fl-Imħażen Carraffa, fix-Xatt tal-Birgu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-tfal tal-lum huma l-ġenerazzjoni u l-mexxejja ta’ għada. Hu qal li kien għalhekk importanti li minn meta għadhom żgħar ngħallmuhom jagħmlu differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn dak li jwassal għall-paċi u dak li jwassal biex fid-dinja jkun hawn aktar konflitti; biex jifhmu l-kruħa tal-gwerra u s-sbuħija li ngħixu fil-paċi. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fid-dinja hawn tfal li ma jafux x’inhi l-paċi għaliex għexu ħajjithom kollha fi gwerer. Hu qal li hawn tfal li minn żgħar ħafna kienu strumenti tal-gwerra għaliex hekk għamluhom dawk akbar minnhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-inizjattiva ta’ GenevaWorld Association li jiġbru flimkien tfal mill-pajjiżi Membri tan-Nazzjonijiet Uniti f’wirja ta’ disinji fejn esprimew it-tħassib dwar il-ħajja li qed jgħixu hi ta’ min jinkoraġġiha u jsostniha għaliex inizjattivi bħal dawn iressqu lit-tfal tad-dinja aktar lejn xulxin u jwassluhom biex jifhmu aktar lil xulxin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din l-inizjativa tiġbor ukoll fiha r-rwol doppju tal-Ministeru tiegħu, t-turiżmu u l-kultura. Hu qal li kemm it-turiżmu kif ukoll il-kultura kienu mezzi li jgħaqqdu flimkien lill-popli għaliex meta t-turist iżur pajjiż ieħor, japprezza u jifhem il-kultura ta’ ħaddieħor. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kuntatt personali jkattar il-ftehim bejn il-popli u allura jwassal biex titkattar il-paċi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar ukoll li din il-wirja qed tinżamm f’post li sa ftit tas-snin ilu kien wieħed żdingat, u li għaliex sar restawr intensiv fuqu bħala parti mill-proġett tal-Kottonera, li llum qed iservi għal wirjiet kbar ta’ ċertu kalibru. Hu qal li l-ewwel wirja kbira li saret f’dan il-post kienet dik tax-xogħlijiet ta’ Caravaggio, li ttelgħet bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’pajjiżna biex titfakkar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li dik il-wirja bdiet mixja f’pajjiżna lejn ħafna pajjiżi oħra kif il-‘109 Children’s Views of the World’ qed tibda l-mixja tagħha fid-dinja li għandha tintemm fil-Kwartier Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil GenevaWorld għall-ħidma kulturali u filantropika li tagħmel u għall-promozzjoni ta’ ftehim reċiproku tal-kulturi tad-dinja permezz ta’ kuntatti u bdil bejn persuni minn pajjiżi differenti. Hu irringrazzjahom ukoll għaliex jippromwovu promozzjoni reċiproka fil-qasam turistiku. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ried jirringrazzja wkoll lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li ħadmu flimkien ma’ GenevaWorld Association biex dan il-proġett seta’ jseħħ u awgura li t-tfal Maltin iżuru din il-wirja hekk interessanti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958