QAFAS NAZZJONALI TAL-KWALIFIKI GĦAL MALTA
Il-Gvern, permezz tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, se joħloq sistema ġdida li tpoġġi l-kwalifiki kollha li jinkisbu f’Malta f’qafas ta’ tmien livelli li jiċċertifikaw il-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja. “Din ser tkun l-ewwel darba li jkollna mappa ċara tal-livelli kollha ta’ kwalifiki li jistgħu jinkisbu f’Malta. Il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jagħti informazzjoni ċara ta’ xi jkun meħtieg biex tidħol u biex tikkwalifika f’kull livell. Dan huwa għodda importanti ħafna għall-ħaddiema u min iħaddem u ser tgħin biex is-suq tax-xogħol fl-ekonomija tagħna jkun aktar organizzat u jippermetti ċaqliq minn post għall-iehor b’aktar faċilitá, sew f’Malta kif ukoll fl-Ewropa.”
Dan ħabbru il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħazagh u Xogħol, l-Onor. Louis Galea meta dalgħodu nieda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposti kif għandhom ikunu dawn it-tmien livelli ta’ kwalifiki li jkun japplikaw għal kull settur u kull tip ta’ xogħol. Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki twaqqaf b’liġi mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħazagh u Xogħol u għandu bħala Chairman lill-ex Segretarju Permanenti s-Sur Charles Mizzi u lil Dr James Calleja bħala l-Kap Eżekuttiv. Il-konsultazzjoni se tkompli sejra sa Marzu 2007 meta mbagħad jiġi stabbilit uffiċjalment il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki f’Malta u Għawdex.
Fil-Qafas ta’ tmien livelli jidħlu l-kwalifiki kollha li jinkisbu b’mod formali f’Malta minn kwalunkwe istituzzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livelli obbligatorji, vokazzjonali u ta’ edukazzjoni ogħla. Il-Qafas jaħseb ukoll għal-livelli fil-proċess ta’ tagħlim u taħriġ mhux formali u informali. F’dan il-proċess l-esperjenza li persuna tkun kisbet fil-ħajja tax-xogħol tagħha tkun tista` tiġi assessjata u valorizzata a bażi ta’ dawn il-livelli.
Fil-proċess ta’ konsultazzjoni se ikunu nvoluti b’mod sħiħ l-Universita`, l-MCAST, l-ITS, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-istituzzjonijiet privati, min iħaddem u unions. Il-Qafas ta’ Kwalifiki Nazzjonali ser jiffaċilita l-proċess tat-tagħlim u t-taħrig billi jipprovdi rotot ċari mill-iżgħar sa l-ogħla livell f’qafas wieħed. It-tmien livelli huma komparabbli mat-tmien livelli li qed jiġu proposti fil-Qafas ta’ Kwalifiki Ewropej li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew adottaw f’Settembru li għadda.
Il-Ministru Louis Galea qal li Malta ser tkun minn ta’ quddiem li tkun poġġiet f’postha sistema bħal din li ser tkun minsuġa mas-sistema Ewropea ta’ kwalifiki. Fuq livell Ewropew dan ser ikun pass importanti ħafna fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien mal-ħidma li qed issir f’żewg proċessi oħra li jissejhu l-Proċess ta’ Bologna u l-Proċess ta’ Copenhagen. “Aħna rridu li biex uliedna jirnexxu lkoll, ikollna sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li kapaċi jappoġġjaw ħafna aħjar il-bżonnijiet u t-talenti ta’ l-individwu u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Jeħtieġ ukoll li niffaċilitaw ħafna aħjar l-akkreditazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u nformali kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ istituzzjonijiet privati u barranin. Irridu li min iħaddem jersaq ħafna aktar viċin lejn is-sistema edukattiva li għandha tkun eqreb lejn l-istrateġiji ta’ investiment u s-suq tax-xogħol.”
Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki se jorganizza serje ta’ laqgħat dwar il-Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki ma’ l-imsieħba f’dan is-settur. Min jipprovdi t-taħriġ, l-Industrija, Trade Unions, kunsilli ta’ l-istudenti, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u oħrajn se jkunu involuti direttament fil-konsultazzjonijiet li se jwasslu biex ikun pubblikat Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki li jkun appoġġjat minn tliet dokumenti tekniċi dwar l-użu tal-qafas, quality assurance, u linji ta’ gwida għal sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) fi ħdan il-Qafas Nazzjonali.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki ippublika tlett fuljetti: Il-Kwlifiki bħala Għodda għall-Impjieg; Glossarju ta’ Terminoloġija Assoċjata mal-Qafas ta’ Kwalifiki; u Gwida dwar il-Qafas ta’ Kwalifiki u Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki.
Dawn il-fuljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku ta’ l-MQC’s www.mqc.gov.mt jew inkella mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, il-Furjana, Telefon: 2598 2526.
Min jixtieq jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki jew min jixtieq li jiltaqa’ mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki għandu jagħmel dan billi jikteb lill-Kunsill bl-email: mqc@gov.mt jew billi jċempel 2598 2379.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958