JIDĦLU FL-AĦĦAR FAŻI X-XOGĦLIJIET FIĊ-ĊENTRU TA’ B’BUGA
Kull ċentru tar-raħal jew lokalita` ta’ pajjiżna għandu potenzjal x’joffri u l-mod artistiku tal-knejjes imdawwra bi znieter jkomplu jagħmlu dawn iċ-ċentri sinjuri fl-aspett arkitettoniku. Din kienet waħda mill-għanijiet l-għala f’dawn l-aħħar tlett snin, il-Gvern investa ‘l fuq minn Lm400,000 biex isebbaħ dawn iċ-ċentri, liema tip ta’ xogħlijiet ser jitkomplew fil-futur. Dan qalu l-Ministru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta kien qed iżur xogħlijiet fuq iz-zuntier ta’ B’Buga.
Ix-xogħlijiet fiċ-ċentru ta’ B’Buga kienu bdew fil-bidu ta’ din is-sena u l-ewwel ma sar kien it-tisbiħ fil-ġnien ta’ wara l-Knisja, u xogħlijiet fil-parking ta’ wara l-knisja.
Saru mill-ġdid il-bankini li jdawru l-knisja u li ndirettament jiffurmaw parti miz-zuntier. Il-Ministru qal li minħabba l-festi tar-raħal, ix-xogħlijiet fuq iz-zuntier innifsu ma setgħux jitkomplew wara li tlesta l-ġnien, u għaldaqstant kien aktar għaqli li x-xogħol jitkompla wara l-istaġun tas-sajf. Fil-ġnien ġew imħawwla siġar, tpoġġew bankijiet u sar pavimentar tal-bankini kif ukoll tal-passaġġ li jifred il-binja tal-knisja mill-ġnien, sabiex b’hekk permezz tad-disinn tal-pavimentar, il-ġnien sar jifforma parti mill-pjazza ta’ quddiem il-knisja.
Ix-xogħlijiet fuq iz-zuntier kienu jinkludu t-tneħħija ta’ materjal, li primarjament kien jikkonsisti f’ħamrija, b’fond ta’ madwar erba’ filati. Din il-ħamrija tneħħiet, minflokha sar packing b’materjal adekwat, ingħatat sodda ta’ konkos infurzat u bħalissa għaddej b’ritmu qawwi l-pavimentar b’kubetti tal-granit. L-area kollha taz-zuntier tkopri madwar 750 metri kwadri
Ix-xogħol jinkludi wkoll il-pavimentar tal-parti mat-taraġ tal-bieb prinċipali tal-knisja u z-zuntier, areata’ madwar 100 metru kwadru. Dan it-tarag ukoll qed jiġi mibdul b’wieħed tal-granit. Qed issir ukoll sistema ġdida ta’ illuminazzjoni fuq il-faċċata u l-ġnub tal-knisja biex l-arkitettura tkun tista` tiġi ammirata wkoll matul il-lejl.
Dan ix-xogħol qed isir kollu mill-ħaddiema tal-gvern u l-finanzjament tiegħu jlaħħaq madwar Lm180,000. Ix-xogħol huwa ppjanat li jintemm qabel l-aħħar ta’ din is-sena.
Fl-aħħarnett il-Ministru Ninu Zammit fakkar li dan ix-xogħol huwa ħolqa oħra fil-katina twila ta’ xogħlijiet li qed jitwettqu mill-Ministeru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura. Ix-xogħlijiet imwettqa f’sena waħda biss ivarjaw minn restawr fuq kapelli, knejjes, fortifikazzjonijiet, swar u monumenti storiċi, xogħlijiet ta’ tisbiħ fiċ-ċentri ta’ l-irħula, xogħlijiet ta’ tisbiħ u bini ta’ promenades max-xtut ta’ pajjiżna, xogħlijiet għal prevenzjoni mill-għargħar u xogħlijiet f’ġonna nazzjonali u pubbliċi.
Dan kollu juri l-impenn tal-Gvern li r-riżorsi umani jiġu utiliżżati bl-aħjar mod possibli u fl-aħjar interess nazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958