Left arrow Go Back

IT-TFAL IFAKKRU “POPPY DAY”

PR1483
Date Icon 31/10/2006

“It-tfal tal-lum jenħtieġ li jkunu konxji tas-sagrifiċċji u t-tbatijiet li għaddew minnha missirijietna u tal-qlubija li wrew biex iddefendew lil pajjiżna fi żmien il-gwerra. Dan l-apprezzament għandu jgħin lill-ġenerazzjonijiet li telgħin iħobbu aktar lil pajjiżhom, jirrispettaw aktar lill-anzjani tagħna u jgħożżu l-paċi”. Dan qalu l-Onor. Louis Galea, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol meta dalgħodu tkellem waqt ċeremonja qasira imma sinjifikattiva li saret għall-ewwel darba u li fiha t-tfal fakkru l-‘Poppy Day’. Din l-attività tat bidu għall-‘Poppy Appeal Fund Collections’ għal din is-sena. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Louis Galea kompla jgħid li l-ħsieb wara l-organizzazzjoni ta’ din l-attività qasira, imma sinjifikanti, hu li jerġa’ jdaħħal id-drawwa, li kienet teżisti fl-imgħoddi li t-tfal ifakkru lil dawk li ħallew ħajjithom fil-gwerra. Il-Ministru Galea fisser attività bħal din bħala parti mill-proċess edukattiv li għandu l-iskop li jsawwar it-tfal tal-lum f’ċittadini tajba. Filwaqt li ħabbar li għas-snin li ġejjin hemm il-ħsieb li din l-attivitá tibqa’ tissaħħaħ, qal ukoll li f’din l-okkażjoni, l-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex ġew mitluba jiftakru fis-sagrifiċċju ta’ missirijietna biex jitħarsu l-paċi u l-ħelsien f’pajjiżna. 

Waqt din l-attività tkellem ukoll il-President Emeritus Dr Ċensu Tabone li fakkar li l-Monument tal-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir għandu għalih sinifikat speċjali għaliex kien inawgurah, flimkien mal-Maestà Tagħha r-Regina Eliżabetta II meta kien President ta’ Malta. Huwa semma wkoll l-esperjenzi tiegħu meta kien jaħdem bħala tabib ma’ l-Armata Ingliża fi żmien il-Gwerra u mhux l-ewwel darba li kien hu wkoll fil-periklu li jitlef ħajtu waqt il-qadi ta’ dmirijietu. 

F’din l-attività, organizzata mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, li saret ħdejn il-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir fil-Belt, ħadu sehem studenti li jattendu l-iskejjel primarji tal-Belt u tal-Furjana. Għal din l-okkażjoni, minbarra l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol attendew bosta personalijiet distinti oħra fosthom il-Prim Imħallef, Dr Vincent Degaetano, l-ogħla uffiċjali tal-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, rappreżentant tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jill Camilleri - il-Konslu Onorarju ta’ New Zealand u oħrajn. Attenda wkoll l-Arċipriet tal-parroċċa tal-Furjana li mexxa wkoll talb għall-okkażjoni. 

Hekk kif il-mistiednin waslu fuq il-post, studenti miż-żewġ skejjel ta’ l-istat tawhom pepprina - poppy - biex jilbsuha waqt din l-attività.  Wara l-kant ta’ l-Innu Malti l-istudenti ta’ l-iskola Antonio Galea tal-Furjana kantaw diversi kanzunetti li jfakkru l-ħerba u t-tbatija li jġibu magħhom il-gwerer, kif ukoll oħrajn li jfakkru l-qlubija ta’ nies li taw ħajjithom għal pajjiżhom.  L-istudenti ta’ l-Iskola  Sant’Iermu tal-Belt Valletta qraw poeżiji marbuta ma’ l-istess temi. 

Wara li l-Ministru Galea għamel id-diskors tiegħu, huwa flimkien ma’ żewġ studenti, telgħu t-taraġ li jagħti għal ħdejn il-qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir biex f’ħoġorha poġġew kuruni magħmula mill-pepprin, is-simbolu qawwi ta’ Jum it-Tifkira (Remembrance Day).  Żewġ suldati membri tal-Forzi Armati daqqew il-‘Last Post’ li tfakkar il-mejtin tal-gwerra, segwita minn minuta silenzju u daqq tar-‘Reveille’ li tfisser l-qawmien. Iċ-ċeremonja spiċċat bid-daqq tal-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow