Left arrow Mur Lura

DISKORS TAL-FTUĦ MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, FL-OKKAŻJONI TA’ KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-ASSOĊJAZZJONI DOWN SYNDROME F’GĦELUQ IL-25 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAGĦHA – 28 TA’ OTTUBRU 2006 – LUKANDA LE MERIDIEN

PR1479
Date Icon 28/10/2006

 Mrs Mugliette, Chairperson, Assoċjazzjoni Down Syndrome ta’ Malta,

·        Sur Peel, Chairperson tal-konferenza,

·        kollegi fil-qasam tal-politika,

·        Ms Helen Keogh,

·        Sinjuri,

 Nibda billi nifraħ lill-Assoċjazzjoni Down Syndrome (ADS) f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tagħha. Kwart ta’ seklu ta’ ħidma favur il-persuni b’Down Syndrome, il-familji tagħhom u favur is-Soċjetà Maltija u Għawdxija kollha kemm hi.

 It-tema tal-konferenza: ‘Tagħlim Tul il-Ħajja għall-Persuni li Għandhom id-Down Syndrome’  tfakkarna li l-ħajja tagħna kollha kemm hi hija vjaġġ fejn, kif jgħid il-Malti: ‘Nikbru u Nitgħallmu’. Dawn l-aħħar 25 sena raw il-persuni b’Down Syndrome, bħal persuni b’diżabilità oħra, joħorġu mid-dlamijiet fejn l-imħuħ magħluqa tal-passat kienu jżommuhom, biex illum isibu posthom fil-qalba tas-soċjetà tagħna, soċjetà li aħna ninsistu għandha tkun waħda inklużiva. Soċjetà fejn kulħadd għandu post, hi x’inhi l-kapaċità tiegħu, jew tagħha.

 Fil-passat kien hemm ħsieb li l-persuna b’Down Syndrome ma kienitx kapaċi titgħallem, ma kienitx kapaċi taħdem f’xogħol produttiv, ma kienitx kapaċi tgħix ħajja adulta. Imma matul dawn l-aħħar snin, is-soċjetà Maltija, bil-mod il-mod, qed tara rivoluzzjoni f’dan il-ħsieb.

 Illum, grazzi għall-ħidma ta’ ħafna entitatijiet u individwi (bħall-ADS) is-soċjetà tagħna qed tibda tagħraf u tagħti valur lill-persuni b’Down Syndrome. Is-segregazzjoni u l-iżolament soċjali tal-passat issa qed jispiċċaw, bir-riżultat li sirna naraw tfal, żgħażagħ u adulti b’Down Syndrome f’kull parti tas-soċjetà tagħna: fl-iskola, fuq il-bank tax-xogħol u f’postijiet pubbliċi. L-istigma negattiva ta’ l-imgħoddi illum qed tinbidel f’diskriminazzjoni pożittiva.

 Din il-bidla fiha nnfisha hija frott il-proċess ta’ tagħlim fil-ħajja tagħna lkoll. Hija bidla li qed tiġri wkoll sforz ħidma bla waqfien minn partijiet differenti.

 Ħamsa w għoxrien sena ilu, għaqdiet bħall-ADS kienu l-ixprun li għamlu pressjoni biex is-soċjetà Maltija toħloq servizzi ġodda, immirati biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità fil-komunità.  Għalhekk, bis-saħħa tal-ġenituri rajna l-introduzzjoni ta’ servizzi varji, bħal:

·        Servizzi ta’ Matul il-Jum

·        Servizz ta’ Respite

·        Servizz ta’ l-Inkontinenza

·        Servizz Għajnuniet Speċjali

·        Servizz ta’ Trasport Speċjalizzat

·        Servizzi dwar l-Informatika

·        Servizzi fil-Komunità għal persuni anzjani u persuni b’diżabilità

 Irridu niftakru li kienet grazzi għall-pressjoni ta’ gruppi tal-ġenituri li fl-1987 ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, li rajna l-introduzzjoni tal-politika ta’ inklużjoni fis-sistema edukattiva tagħna u daħal ukoll fis-seħħ l-Att I ta’ l-2000 il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità).

Il-progress isir b’riżultat ta’ ħidma flimkien bħala team, team magħmul minn kull min jgħix, jaħdem u għandu interess fil-qasam: persuni b’Down Syndrome, il-ġenituri, il-familjari tagħhom, professjonisti differenti, amministraturi u nies politiċi bħali li jridu jieħdu deċiżjonijiet, xi kultant iebsa ħafna, dwar kif għandhom jitqassmu r-riżorsi.

Illum il-politika ta’ inklużjoni fl-iskejjel bil-mod il-mod qed tagħti r-riżultati pożittivi tagħha. Tant hu hekk li ftit ftit qed naraw numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ b’diżabilità li għandhom l-aspettattivi ta’ sħabhom kollha u li għandhom ukoll il-possibilità li jattwawhom. Dawn iż-żgħażagħ qed ifittxu impjieg fis-suq miftuħ. Jew inkella qed iħabbtu l-bieb ta’ l-MCAST biex ikomplu bit-tagħlim u taħriġ tagħhom, qabel ma jibdew ix-xogħol. Sa ftit ilu ma konnix nemmnu li dawn l-affarijiet kienu possibbli.

 Din l-istampa ta’ progress tinkludi l-qasam tal-volontarjat u ta’ l-għaqdiet volontarji. F’Malta dejjem kellna x-xorti tajba li l-interess fil-ħidma volontarja qatt ma naqas. Ir-riżultat huwa li Malta u Għawdex għandhom proporzjon għoli ħafna ta’ għaqdiet volontarji fil-qasam tad-diżabilità. Infatti, llum għandna ftit aktar minn 70 għaqda f’dan il-qasam.

 Quddiem din il-varjetà kollha wieħed irid ifakkar fl-importanza li ma jkunx hemm duplikazzjoni fix-xogħol u li nużaw ir-riżorsi  li għandna bl-għaqal kollu. Dan għaliex, fil-bidu tagħhom, ħafna għaqdiet bdew billi joffru pariri, respite u solljev soċjali għall-membri tagħhom.

 Dejjem nisħaq li għandna nkunu konxji tar-riżorsi li għandna. Hemm bżonn li nindirizzaw dan bir-reqqa. L-għar ħaġa li jista’ jkollna huwa t-territorjaliżmu għaliex dan xejn ma jagħmel ħlief jaħli riżorsi prezzjużi u hawn ibatu n-nies li setgħu għamlu użu minnhom li kieku ngħatalhom iċ-ċans.

 Iż-żminijiet jinbidlu u llum diversi għaqdiet volontarji qed jidħlu fi sħab mal-Gvern biex huma stess joffru servizzi varji u essenzjali f’oqsma differenti bħal edukazzjoni kontinwa, ħiliet għal ħajja indipendenti (life skills) u mpjiegi.

 Dan ifisser li l-għaqdiet qed jerfgħu fuq spallejhom aktar u aktar responsabbilità. Kif jaf kulħadd, aktar responsabbilità tfisser il-bżonn għal aktar trasparenza u accountability f’kull livell. Speċjalment fejn il-proġetti jsiru bi flus pubbliċi.

 It-trasparenza hija essenzjali speċjalment f’ambjent ta’ riżorsi skarsi. Għalhekk, meta jingħataw ir-riżorsi rridu naraw li dawn jintużaw bl-aħjar mod possibli; kif għid qabel, ma jkunx hemm duplikazzjoni bla bżonn u fl-aħħar mill-aħħar għandu jingħata rendikont dettaljat dwar l-infiq ta’ flejjes pubbliċi, inkluż fundraising li jsir mill-għaqda għaliex anki dawn huma fondi pubbliċi.

 Kif forsi tafu, għadu kemm ġie ppublikat l-Abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Għaqdiet Volontarji. Dan l-Abbozz se jibda jiġi diskuss fil-Parlament hekk kif tippermetti l-aġenda tal-Parlament. Meta attwalment tgħaddi l-liġi, din se tkun għodda f’idejn l-għaqdiet volontarji għax se tagħtihom għarfien legali. Minn naħa l-oħra se tigarantixxi ċerta trasparenza fl-operat tagħhom.

 L-Assoċjazzjoni Down Syndrome għandha raġun tfakkar dan l-anniversarju, Ġublew tal-Fidda li jimmarka snin ta’ ħidma u snin ta’ progress f’dan il-qasam. Imma rridu niftakru li filwaqt li tajjeb nieqfu u napprezzaw dak li sar fil-passat, importanti li nkomplu malajr bil-ħidma għal futur dejjem aħjar. Għaliex kif jaf kulħadd, jekk ma tieħux ħsiebha l-fidda malajr tittappan u titlef il-preġju tagħha.

 Prosit lill-Assoċjazzjoni Down Syndrome u awguri għal ħamsa w għoxrin sena ħidma oħra!

 Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow