MIXTLA TA’ BORMLA: JIDĦLU FL-AĦĦAR FAŻIJIET IX-XOGĦLIJIET FUQ IT-TRASFORMAZZJONI TA’ PARK RIKREATTIV F’BORMLA
Il-bniedem huwa l-qafas ta’ kull politika li l-Gvern jibbaża t-tmexxija tiegħu. Iż-żoni ta’ rikreazzjoni huma lok fejn l-individwu u l-familja jistgħu jqattgħu l-ħin liberu f’ambjent nadif. It-trasformazzjoni tal-Mixtla ta’ Bormla f’żona ta’ rikreazzjoni hu ntenzjonat sabiex jinħoloq bilanċ bejn masġar naturali u park rikreattiv għal familja kollha. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar fażi tax-xogħlijiet fil-Mixtla ta’ Bormla.
Ix-xogħlijiet qegħdin fi stadju avvanzat u hu ppjanat li jintemmu qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Fil-fatt minn total ta’ erba’ pjazez hemm tnejn lesti minn kollox, u oħra li hi l-akbar waħda, tinsab fi stadju avvanzat. Dawn il-pjazez huma kollha magħqudin permezz ta’ passaġġi li ġew ippavimentati b’ċangatura tal-franka. Minn total ta’ pavimentar ta’ madwar 5,000 metru kwadru diġa` tpoġġa 4,190 metru kwadru li jinkludi ċangatura f’passaġġi u pavimentar fil-pjazez lesti. Fil-pjazza l-kbira nbniet funtana u qed jinbnew diversi ħnejjiet li se jdawwru l-pjazza kollha. Il-pavimentar f’din il-pjazza hu tal-granit u se jkopri area ta’ ‘l fuq minn 1,000 metru kwadru, ftit inqas minn area ta’ tomna.
Il-Ministru kompla jgħid li l-boundary wall li nbena ġdid sabiex idawwar il-mixtla huwa lest u kien jinkludi tpoġġija tal-ġebel b’coping simetriku li jikkumplimenta mal-madwar. Dan il-ħajt hu twil ‘l fuq minn 1,700 metru. Fil-parti t’isfel tal-ġnien inbniet sanitary facility li se tiġi miksija minn barra bl-injam sabiex id-dehra tagħha tkun tikkumplimenta mal-masġar.
F’diversi areas matul il-passaġġi twaħħlu 13-il gazebo li se jservu ta’ dell għal passiġġata pjaċevoli u rilassanti. Fattur importanti f’dan il-masġar kien li jiżdiedu s-siġar u għaldaqstant se jitħawlu ‘l fuq minn 400 siġra sabiex ikomplu jagħtu nifs lil din iż-żona ta’ rikreazzjoni.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura spjega li dan il-proġett juri biċ-ċar il-kapaċitajiet tal-ħaddiema tal-Ministeru peress li fih ġiet użata kull tip ta’ snajja. Hawnhekk il-Ministru rrefera wkoll għas-sistema ta’ drip irrigation li qed tiġi nstallata u s-sistema ġdida ta’ dawl li tinkludi ‘l fuq minn 100 bollard tad-dawl sabiex idawwlu l-passaġġi u uplighters li se jdawwlu l-ħnejjiet minn taħt. Barra minhekk qed jiġu mmanifatturati mudelli żgħar ta’ tlett ibliet tal-kottonera li se jitpoġġew fil-pjazez.
L-għan prinċipali ta’ dan il-proġett hu li l-Kottonera u l-lokalitajiet tal-madwar jkollhom park rikreattiv b’disinn uniku u b’xogħol ta’ l-għola livell.
Dan l-għan se jintlaħaq għax ladarba l-proġett ikun lest, masġar ta’ ‘l fuq minn 55,000 metru kwadru jew aħjar ‘l fuq minn ħamsin tomna art se jkun jista` jitgawda f’ambjent isbaħ u b’sigurta` aħjar għall-poplu li jiffrekwentah.
Il-Ministru Ninu Zammit finalment irringrazzja lil kull min ikkopera fit-twettiq ta’ dan il-proġett b’mod partikolari lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li mhux biss ħa sehem attiv fit-twettiq iżda wkoll iddedika somma finanzjarja sabiex ħolma taċ-ċittadini ssir realta`. Fil-fatt, il-Kunsill se joħroġ Lm15,000 mill-investiment totali fil-proġett li jlaħħaq madwar Lm250,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958