“IT-TIXRID TA’ INFORMAZZJONI RIGWARD IL-LIĠIJIET HUWA METODU IEĦOR TA’ KIF TITNAQQAS IL-BUROKRAZIJA” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“L-attivita’ kummerċjali f’pajjiżna hija attivita’ ħajja u li kontinwament qiegħda tikber. Illum kulħadd qiegħed iħares ‘il quddiem lejn sena li fiha l-attivita’ kummerċjali ser tkompli tikber. Il-Gvern qiegħed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jara li f’pajjiżna, l-kummerċ ikompli jiżdied. Fil-fatt, in-negozji żgħar tagħna, fil-maġġor parti kbira tagħhom, qed jirnexxielhom joħolqu l-impjiegi. Għaldaqstant, bħala Segretarjat ħsibna li, flimkien mad-Diviżjoni għall-Kummerċ, nippubblikaw ktejjeb li jagħti informazzjoni sempliċi ħafna, iżda dettaljata, rigward il-proċess ta’ applikazzjoni għal liċenza ta’ negozju, u l-proċess kollu biex wieħed jiftaħ in-negozju tiegħu. Jien nemmen li iżjed ma nagħmlu l-informazzjoni sempliċi u aċċessibbli, iżjed inkunu qegħdin innaqqsu l-burokrazija.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fit-tmiem ta’ diversi żjarat f’negozji żgħar fil-lokalita’ ta’ Ħaż-Żebbuġ.
“Il-Gvern dejjem ħadem biex jgħin lin-negozji żgħar, li huma s-sinsla ta’ l-ekonomija Maltija. Fil-ġimgħat li ġejjin, dan il-ktejjeb ser ikun disponibbli mill-Kunsilli Lokali, kif ukoll ser inkunu qegħdin inqassmuh lil studenti ta’ l-aħħar sena fl-istituti ta’ l-MCAST, waqt eżerċizzju li fih, bħala Segretarjat, qegħdin nagħtu l-informazzjoni lil dawn l-istudenti rigward il-probabilta’ li huma jkollhom karriera tagħhom fin-negozju,” kompla s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Il-ktejjeb huwa miktub bħala mistoqsija u tweġiba, u jfiehem il-passi kollha li wieħed irid jieħu biex jiftaħ negozju, u jagħti wkoll informazzjoni dettaljata ta’ indirizzi, numri tat-telefon, u contact personsta’ entitajiet li, b’xi mod jew iehor, huma nvoluti fl-attivita’ kummerċjali. Il-ktejjeb huwa maqsum fi tliet taqsimiet: Liċenzji tan-Negozju, Entitajiet Oħra li Jirregolaw is-Suq u Għajnuniet għal Intrapriżi żgħar. Kull taqsima għandha l-informazzjoni meħtieġa dwar aspetti differenti tan-negozju.
It-taqsima fuq il-liċenzji tan-negozju tispjega x’tip ta’ liċenzja hija mitluba, skond il-ġeneru tan-negozju; liema huma l-entitajiet li joħorġu liċenza tan-negozju; il-kategoriji tal-liċenzi; il-kundizzjonijiet sabiex issir l-attivita’ kummerċjali; u l-formoli tal-liċenzji għan-negozju li joħorġu mit-Trade Licensing Unit (TLU).
It-tieni taqsima tagħti informazzjoni dettaljata dwar ċertu Dipartimenti u Entitajiet, bħalma huma id-Dipartiment tal-VAT u d-Dipartiment tat-Taxxa Interna, kif ukoll tagħti informazzjoni dwar importazzjoni u esportazzjoni; il-liġi li tirregola prodotti ta’ ikel; is-sigurta tal-prodotti; il-kompetizzjoni ġusta; is-sorveljanza tas-suq; u l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
L-aħħar sezzjoni tagħti informazzjoni ulterjuri li tista’ tkun ta’ bżonn dwar l-istatistika, il-Malta Enterprise u d-Diviżjoni għall-Kummerċ.
L-Onor. Vassallo qal li “jiena ċert li dan il-ktejjeb ser ikun ta’ siewi ħafna għal dawk kollha li jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom, iżda forsi lanqas biss jafu minn fejn ser jibdew biex ikollhom kollox kif suppost. Ċert ukoll li l-ktejjeb ser ikun ta’ interess ukoll għal dawk kollha li diġa’ qegħdin fin-negozju, iżda qatt ma ħasbu fuq ħafna aspetti ta’ l-attivita’ kummerċjali.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, waqt laqgħa ma’ għaqdiet kostitwiti li jirrappreżentaw is-settur kummerċjali, ppreżenta dan il-ktejjeb lir-rappreżentanti ta’ l-għaqdiet li kienu preżenti, u spjegalhom l-għan li kellu s-Segretarjat meta ppubblika dan il-ktejjeb.
“Jiena nawgura li dan il-ktejjeb ikun utli għal kull min ikollu bżonn xi informazzjoni dwar l-attivita’ kummerċjali, kemm jekk diġa’ għandu n-negozju tiegħu, kif ukoll jekk qed jitħajjar jibda n-negozju tiegħu,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958