Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA, L-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR STJEPAN MESIĆ, WAQT IL-PRANZU STATALI MOGĦTI F’ĠIEĦ IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI – ZAGREB – IL-ĦAMIS, 26 T’OTTUBRU 2006

PR1467
Date Icon 26/10/2006

Sur President, (Għażiż kollega),

Sinjura Fenech-Adami,
Eċċellenzi,
Sinjuri,

 Hu ta’ privileġġ kbir u pjaċir għalija li nagħti merħba lilek, lill-mara tiegħek u lill-membri tad-delegazzjoni għolja Maltija fl-okkażjoni ta’ l-ewwel skambju ta’ viżti ta’ l-ogħla livell bejn Malta u r-Repubblika tal-Kroazja. 

 Din iż-żjara hija ta’ l-akbar importanza għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna għax tiftaħ orizzonti ġodda ta’ kooperazzjoni bbażati fuq relazzjonijiet bilaterali u multilaterali li  dejjem kienu tajbin ħafna.    

 L-istorja tagħna, sew dik ta’ l-imgħoddi mbiegħed kif ukoll dik aktar reċenti, għandhom ħafna komuni bejniethom.  L-artijiet tagħna kellhom esperjenza ta’ ħakmiet u influwenzi kulturali u reliġjużi mill-aktar diversi; il-pajjiżi tagħna żviluppaw bħala parti minn Stati oħra sakemm rebħu l-indipendenza u r-rikonoxximent internazzjonali...

 Aħna wkoll, bħalkom, għaddejna sekli sħaħ nappartjenu lill-parti l-qadima taċ-ċivilta’ – dik tal-Mediterran, u naħseb li dalwaqt ser inkunu flimkien fil-parti moderna taċ-ċivilta’ – dik ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 Hija x-xewqa tiegħi li nara lill-Kroazja, bħala pajjiż ta’ l-Ewropa ~entrali u tal- Mediterran, rikonoxxuta fl-Unjoni Ewropea mhux biss f’termini ta’ l-orjentament ġeografiku tagħha, iżda wkoll bħala pajjiż li fih, minkejja l-esperjenza kiefra tal-gwerra, hemm post għat-tolleranza etnika u reliġjuża, għall-ko-eżistenza u għall-bini ta’ futur komuni.

 Nixtieq ukoll nara lill-Kroazja rikonoxxuta bħala ġara tajba li ċ-ċittadini u l-mexxejja tagħha jafu jħarsu lejn il-futur billi jitgħallmu mill-passat.

 Aħna konxji mill-fatt li biex nistabbilixxu relazzjonijiet bħal dawn jeħtieġ li nistinkaw bla heda fil-livelli kollha tal-gvern u s-soċjeta’. 

 Nieħu din l-opportunita’ biex nirringrazzja lil Malta talli rrikonoxxiet u appoġġjat l-isforzi tagħna biex nersqu aktar qrib lejn is-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea.

 L-appoġġ sod tagħkom biex il-Kroazja jkollha post temporanju fil-Kunsill tas-Sigurta’ hu kontribut għar-rikonoxximent internazzjonali tal-Kroazja, u aħna nixtiequ nieħdu din l-opportunita’ biex nesprimu l-gratitudni tagħna.

 Aħna rridu nintensifikaw f’kull qasam ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta.  Dawn diġa’ huma tajbin ħafna u ta’ ħbiberija mingħajr ebda kwistjoni pendenti, iżda fil-futur qarib se jkollna nkabbru l-qafas legali li huwa l-pedament ta’ kooperazzjoni tassew intensiva.

  Il-Kroazja segwiet b’interess u attenzjoni l-progress ekonomiku ta’ Malta.  Għalhekk aħna napprezzaw il-preżenza ta’ nies mill-qasam kummerċjali fid-delegazzjoni uffiċjali tagħkom, li huma r-rappreżentanti ta’ kumpaniji ewlenin Maltin interessati biex jikkooperaw ma’ msieħba kummerċjali fil-Kroazja. 

 Il-Kroazja hija interessata b’mod partikulari biex tiskambja l-esperjenza, l-investimenti u l-proġetti konkreti fit-turiżmu, fil-bini ta’ bastimenti u fis-settur finanzjarju.  Aħna rridu wkoll nippromwovu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħna fil-kultura, fix-xjenza u fl-isport, u b’mod partikolari li nintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet tagħna. 

 Il-Kroazja kkooperat intensivament ma’ Malta meta kienet għadha tagħmel parti mill-Jugoslavja. Dak iż-żmien kien implimentat f’Malta proġett esplorattiv, xjentifiku, u fit-tul fl-istudju tad-dijabete, liema proġett bena s-sisien għal ħidma u riċerka medika indipendenti f’dak il-qasam.

 Il-promozzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna b’mod ġenerali hija wkoll ta’ importanza partikulari għall-futur komuni tagħna.  Sew il-Kroazja kif ukoll Malta jappartjenu għall-grupp ta’ pajjiżi hekk imsejħa żgħar ġewwa l-Unjoni.  Aħna nħossuna konxji li livell għoli ta’ armonija fil-pożizzjonijiet tagħna fuq kwistjonijiet reġjonali u globali jista’ jikkontribwixxi bil-kbir biex jgħolli l-kwalita’ tar-relazzjonijiet fit-totalita’ tagħhom.

 Sur President, għażiż kollega,

 Fl-imgħoddi rabtiet mill-qrib, iżda wkoll, skond sorsi diplomatiċi, relazzjonijiet ta’ ‘ħbiberija u fiduċja partikulari’, kienu jgħaqqdu lil Malta mar-Repubblika ta’ Dubrovnik.

 Naħseb li taqbel miegħi li d-diskussjoni tagħna llum u l-apprezzament amikevoli reċiproku li qed nesprimu f’din l-okkażjoni wrew li aħna ninsabu qrib ħafna ta’ dik l-atmosfera storika.

 Nistenna b’ħerqa li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jiżviluppaw fit-triq li diġa’ stabbilejna u fl-ispirtu ta’ ‘ħbiberija u fiduċja partikulari’.  B’dawn il-ħsibijiet, ippermettuli nipproponi li nixorbu bis-saħħa tiegħek, Sur President, u tas-Sinjura tiegħek, u b’riżq il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna, il-ħbiberija bejn iċ-ċittadini tagħna u l-futur Ewropew komuni tagħna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow