Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGHU DR EDWARD FENECH-ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL- EĊĊELLENZA TIEGHU S-SUR STJEPAN MESIĆ, PRESIDENT TAL-KROAZJA, FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA STATALI FIL-KROAZJA – ZAGREB - IL-ĦAMIS, 26 TA’ OTTUBRU 2006

PR1466
Date Icon 26/10/2006

Sur President,

Sinjura Mesić,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,

 Huwa ta’ unur u pjaċir kbir għalija li qed nżur il-Kroazja f’din il-Viżta Statali.  Din l-ewwel viżta li qiegħda ssir fil-Kroazja minn Kap ta’ Stat ta’ Malta tixhed ix-xewqa tagħna t-tnejn li nsaħħu bejn iż-żewg pajjizi tagħna rabtiet dejjem akbar ta’ ħbiberija u li niżviluppaw iżjed djalogu.

 Sur President,

 Il-viżta tiegħi ħabtet wara l-ħmistax anniversarju ta’ l-indipendenza tal-Kroazja.  Il-kisbiet li għamlet il-Kroazja f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena kienu verament storiċi.  Nixtieq infaħħar l-isforzi ta’ l-Eċċellenza Tiegħek li dejjem ridt in-negozjati u mhux il-konflitt armat, meta tkellimt biex il-forza ta’ l-argumenti titħalla tirbaħ fuq l-argument tal-forza.  Nixtieq ukoll nifraħ lilek u lill-Poplu tiegħek għall-kisbiet tagħkom biex tikkonsolidaw id-demokrazija u l-ordni ġewwa pajjiżkom u biex timxu ’l quddiem bil-kostanza lejn  integrazzjoni sħiħa fl-Ewropa.  Il-Gvern u l-Poplu tal-Kroazja jistgħu jibqgħu ċerti li Malta qed tappoġġja lill-Kroazja fl-isforzi tagħha biex tingħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea u li aħna lesti li niskambjaw magħkom l-esperjenza li ħadna mill-proċess għas-sħubija.  Fil-fatt il-viżta tiegħi hawnhekk saret wara ż-żewġ viżti mill-Prim Ministru u mill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Malta.

 Pajjiżek wasal fi stadju ta’ bidla deċiżiva fl-istorja tiegħu.  Malta tifraħ meta tara l-passi kbar li l-Kroazja qiegħda tagħmel bil-għan li tilħaq l-oġġettivi tagħha u li tressaq lilha nfisha dejjem aktar qrib l-istrutturi Ewropej.  Nieħu din l-opportunita` biex infaħħar lill-Kroazja talli qabdet it-triq tar-riforma, riforma li tassigura żvilupp demokratiku u orjentat lejn is-suq, b’kuraġġ, determinazzjoni u sens ta’ responsabbilta` - għax għalkemm l-għajnuna ta’ l-Ewropa u tal-Komunita` internazzjonali hija importanti, ma hemm l-ebda dubju li primarjament kienu l-Kroazja, il-Poplu u l-Gvern tagħha, li attivament stinkaw għar-riformi u  ħadmu b’riżq  il-ġid komuni.

 L-Unjoni Ewropea hija rikonoxxuta bħala opportunita` storika u unika biex jinħoloq spazju Ewropew mimli paċi u prosperita`.  Ninsabu konvinti li l-aspirazzjonijiet tal-Kroazja lejn integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea jikkontribwixxu lejn l-istabbilta` fir-reġjun, u jkomplu jikkonsolidaw it-twettiq tal-ħolma tal-fundaturi ta’ dik li issa hija l-Unjoni Ewropea li jwarrbu l-konflitt għal dejjem mill-kontinent.

 Eċċellenza,

 Dwar il-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi, huwa ċar li l-potenzjal għal skambji u kooperazzjoni kummerċjali jista’ jiġi sfruttat ferm iżjed.  Għandi l-pjaċir li nkun akkompanjat f’din il-Viżta Statali minn delegazzjoni ta’ intraprendituri u nies tan-negozju.  Il-preżenza tagħhom tikkonferma l-potenzjal li hemm biex nespandu r-rabtiet ekonomiċi bejn il-Kroazja u Malta.  Aħna żewg pajjizi li qegħdin ma’ ġenb swieq kbar.  Nistgħu għalhekk it-tnejn li aħna nservu ta’ passaġġi lejn pajjizi ġirien tagħna – Malta lejn l-Afrika tat-Tramuntana u l-Ewropa tan-Nofsinhar u l-Kroazja lejn il-parti ta’ l-Ewropa tax-Xlokk.  Il-kuntatti li qegħdin nistabbilixxu hawnhekk ser ikunu ta’ benefiċċju u ser jikkontribwixxu għal relazzjonijiet aktar profondi bejn iż-żewg pajjiżi tagħna.

 It-turiżmu huwa bla dubju fost dawk l-oqsma li għandhom potenzjal kbir biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi tagħna.  Il-Kroazja hija magħrufa f’Malta għall-ġmiel naturali kbir tagħha, Zagreb bħala belt vibranti bil-bosta monumenti kulturali u storiċi tagħha, bil-mużewijiet u l-galleriji ta’ l-arti tagħha.  Malta wkoll hija magħrufa għall-istorja antika tagħha u għall-arkitettura tagħha.  Nispera li l-Kroazja ssir destinazzjoni turistika dejjem iżjed popolari għaċ-ċittadini Maltin, kif nispera li ssir Malta għall-Kroati.

 Eċċellenza,

 Il-viżjoni tagħna hija waħda ta’ Ewropa li fiha l-pajjiżi jżommu l-individwalita` tagħhom, kif espressa fil-wirt kulturali, fil-lingwa u fil-fatturi l-oħra li jiddefinuha.  Hija wkoll Ewropa ta’ komunita` u ta’ appartenenza.  Id-dinja ċkienet u d-distanzi ntgħelbu bħala riżultat ta’ l-avvanzi kbar li saru fit-teknologiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.  Waqt li aħna kburin bl-identita` tagħna, u waqt li nagħrfu u ngħożżu d-differenzi tagħna, għandna nirsistu wkoll biex niżviluppaw u nistandardizzaw dawn it-teknoloġiji li jippermettulna li nikkomunikaw aħjar, u b’hekk iressquna lejn xulxin.  Id-distanza ġeografika li tissepara liż-żewg pajjizi tagħna hija wkoll megħluba mir-rabtiet diplomatiċi tagħna, mid-djalogu kostruttiv dejjem għaddej bejnietna u mill-aspirazzjonijiet komuni biex nikkonsolidaw il-paċi, l-istabbilta` u l-prosperita` fl-Ewropa, biex nibnu futur aħjar għall-popli tal-kontinent.

 Sur President,

 Minħabba l-valuri komuni tagħna, kif ukoll il-viżjoni komuni tagħna għall-futur, il-Kroazja u Malta ser ikunu kapaci jintensifikaw id-djalogu bejniethom u jsaħħu r-relazzjonijet eżistenti ta’ ħbiberija ta’ bejniethom.  B’dawn il-ħsibijiet nitlobkom, mistednin distinti, biex flimkien miegħi tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President tal-Kroazja u tas-Sinjura Mesić, kif ukoll b’riżq il-kuntentizza u l-prosperita` tal-Poplu tal-Kroazja, u l-ħbiberija u l-kooperazzjoni mill-viċin bejn iż-żewġ pajjiżi u l-Popli tagħna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow