Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT LI SER IWASSAL GĦAL TITJIB FL-ESPERJENZA TAL-PASSIĠĠIERI LI JUŻAW IT-TRASPORT PUBBLIKU BI SKEDA

PR1453
Date Icon 25/10/2006

Fil-ġimgħat li ġejjin, dawk kollha li ser ikunu qed jużaw il-karozza tal-linja ser jibdew igawdu minn investiment mis-settur privat u mill-Gvern fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku ta’ Malta.

 F’diskors qasir waqt it-tnedija ta’ Smart TV, is-servizz ta’ televiżjoni uffiċċjali tal-karozzi tal-linja, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li n-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku żamm relattivament stabbli fl-aħħar snin.

 “Bejn l-1 t’Ottubru tas-sena l-oħra u t-30 ta’ Settembru, it-trasport pubbliku bi skeda intuża minn 29,817,385 passiġġier. Għalkemm dan in-numru huwa inqas mit-30,175,749 li kienu reġistrati fl-istess perjodu sena qabel, dan jitqabbel sew meta tqis li fit-tliet ijiem tal-istrajk ġenerali li sar din is-sena, kien wassal għal telf ta’ 196,868 f’patrunaġġ; filwaqt li ż-żieda ta’ 138,797 passiġġier fuq ir-rotot diretti ta’ l-Università li effettivament inaqqas il-bżonn li l-istudenti jaqbdu żewġ karozzi tal-linja biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom,” qal il-Ministru Mugliett.

 Hu żied jgħid li minkejja dan, il-pubbliku qiegħed jistenna titjib fil-prodott li joffri t-trasport pubbliku bi skeda, u l-Gvern qed jieħu numru ta’ inizjattivi ta’ investiment fir-riżorsi umani li jħaddmu s-sistema, kif ukoll fl-infrastruttura li tintuża mill-passiġġieri.

 “L-ewwel minn dawn l-iniżjattivi ser tkun l-installazzjoni ta’ tabelli li jindikaw ir-rotot kollha li jieqfu fuq bus stop partikolari, b’kull waqfa matul ir-rotta indikata b’mod grafiku u ċar, kif ukoll il-ħinijiet li topera kull rotta. Bħal issa qed isiru it-tħejjijiet biex ix-xahar id-dieħel jibdew jitwaħħlu it-tabelli ma’ l-ewwel 100 bus shelter. L-ispejjeż ta’ dawn it-tabelli grafiċi ser jinqasmu bejn l-Awtorità dwar it-Trasport u l-kumpannija li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bus shelters,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.

“Qed ninvestu wkoll f’taħriġ għall-operaturi fit-trasport pubbliku, biex dawn itejjbu l-ħiliet ta’ customer care tagħhom. Bħalissa mal-50 transport assistants qed jattendu kors li ser ikun segwit minn ieħor għal 119 sewwieq tal-karozzi tal-linja bħala parti minn programm ta’ Lm400,000 ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew ta’ l-Unjoni Ewropea, li ser iħarreġ anke sewwieqa tat-taxis, tal-karozzini u tal-‘coaches’, fost oħrajn,” qal il-Ministru.

 Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq semma wkoll it-taħdidiet li għaddejjin bħalissa bejn l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, l-Awtorità dwar it-Trasport u l-Ministeru dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku bi skeda. Hu qal li wara li f’Ġunju saret reviżjoni fil-proposta għal regolament ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi tat-Trasport Pubbliku bil-Linji tal-Ferrovija u bit-Triq, id-diskussjonijiet dwar ir-riforma kellhom jiġu ri-orjentati. Il-Ministru żied jgħid li hu jinsab ottimist li ser naslu ghal ftehim li verament jissarraf f’titjib sostanzjali tas-servizz fit-tul.

 Il-Ministru Mugliett temm billi faħħar l-iniżjattiva li qed tieħu Smart Digital Network Limited bl-istallazzjoni ta’ television screens fuq kull karozza tal-linja ġdida u t-tnedija ta’ information channel, li ser jibda’ jitħaddem fuq dawn il-vetturi waqt ix-xogħol tar-rotta.

 “Dan is-servizz ġdid u l-inizjattivi tal-Gvern li ddeskrivejt aktar kmieni ser joffru esperjenza aħjar għal kull min juża is-servizz ta’ trasport pubbliku bi skeda.  Bihom is-servizz ser jieħu wkoll dehra aktar professjonali u serja li fl-aħħar mill-aħħar ser ittejjeb il-Prodott Malta anke f’kuntest turistiku,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow