TISBIĦ TAZ-ZUNTIER TAL-KNISJA PARROKKJALI TAŻ-ŻURRIEQ
Il-Knisja hija ċ-ċentru ta’ kull raħal u belt f’pajjizna. L-istil ta’ l-arkitettura kif ukoll iz-zuntier li jdawwar kull Knisja Parrokkjali jkomplu jsebbħu u jżejjnu l-pjazez ta’ pajjiżna. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta kien qed iżur xogħlijiet li qed isiru fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali fiż-Zurrieq.
Il-proġett jikkonsisti f'tibdil tal-materjal tat-taraġ, tal-madum taz-zuntier u dak tal-bankina li jdawwar l-istess zuntier. Minħabba li d-disinn tat-taraġ huwa kemm xejn kumplikat, ġie deċiż li t-turġien jiġu ordnati skond pjanti u disinji mfassla apposta u kull tarġa ġiet maqsuma skond il-qisien tal-vażi maqtugħa. Il-materjal li se jintuża fit-taraġ kif ukoll fiz-zuntier huwa granit. Il-kulur tal-granit tat-taraġ hu griż, filwaqt li dak taz-zuntier hu griż aktar ċar.
Meta kien qed jispjega l-proċess tax-xogħlijiet, il-Ministru qal li, biex seta` jibda t-tqegħid tat-taraġ kellu jitkisser it-taraġ l-antik, u mbagħad inbena bażi tal-konkrit biex jieħu t-turġien tal-granit. It-tfassil u l-għoti tal-konkos qed isiru mill-ħaddiema tal-Gvern, filwaqt li t-taraġ qed jitpoġġa mill-kuntrattur li mporta l-istess taraġ. L-area totali tat-taraġ tlaħħaq għal madwar 125 metru kwadru. Issa li parti sostanzjali mit-taraġ hi kompluta, beda x-xogħol sabiex jiġi pavimentat iz-zuntier. Hawnhekk se jinqala’ l-wiċċ eżistenti li hu magħmul minn madum tas-siment, u ser tingħata sodda tal-konkos li se sservi bħala bażi għat-tqegħid tal-madum tal-granit.
Il-Ministru spjega li, kif sar ma knejjes oħra fi proġetti simili, hawnhekk ukoll se ssir sistema ġdida ta’ illuminazzjoni li se ddawwal il-Knisja kemm mill-faċċata kif ukoll mill-ġenb tagħha. L-area kollha taz-zuntier tkopri medda ta’ madwar 325 metru kwadru. Wara li jitlesta l-pavimentar taz-zuntier, se tinbidel il-bankina li ddawwar iz-zuntier u kemm il-kurduna kif ukoll il-pavimentar se jsir b’materjal tal-qawwi.
Il-Ministru Ninu Zammit fakkar li dawn ix-xogħlijiet ikomplu jżidu l-lista ta’ xogħlijiet li saru f’diversi pjazez u ċentri f’irħula madwar Malta. Hawnhekk il-Ministru elenka lista ta’ ċentri li tinkludi l-pjazza tal-Mellieha, iċ-ċentru ta’ Ħal-Safi, iċ-ċentru ta’ Ħal-Lija u ċ-ċentru ta’ Ħal-Kirkop. Ma’ dawn għadejjin xogħlijiet fil-pjazza ta’ B’Buga u bdew xogħlijiet fiċ-ċentru tal-Qrendi.
Ninu Zammit temm jgħid li l-irranġar b’materjal adattat kif ukoll l-illuminazzjoni b’dawl artifiċjali ta’ l-ibliet u l-irħula ta’ dawn iċ-ċentri qed jissarfu f’ambjenti isbaħ kif ukoll fi preservazzjoni aħjar tal-wirt arkitettoniku u vernakulari, li pajjiżna huwa mżejjen bihom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958